Għal bosta snin, li tkun mara f’soċjetà li fil-passat kienet iddominata mill-irġiel ma kienx faċli. In-nisa kellhom battalja iebsa biex juru li l-irwoli li għal ħafna snin konna nassoċjawhom mal-irġiel setgħu jsiru min-nisa wkoll. Fosthom hemm il-futbol u x-xogħol ta’ pulizija.
Mingħajr ma mmorru wisq ‘il bogħod fis-snin, madwar 20 sena ilu hawn Malta meta tifla kienet tesprimi x-xewqa li tibda tilgħab il-futbol, it-tweġiba li kienet tingħata hija: “Il-futbol huwa sports tas-subien”. Infatti, fl-istess żmien, f’Malta lanqas kont issib timijiet tal-futbol tan-nisa, tant li dawk il-ftit bniet li kienu jilagħbu l-futbol kellhom jidħlu f’tim tas-subien.
Illum il-ġurnata l-perspettiva nbidlet ferm f’dan ir-rigward, għalkemm in-nisa għadhom żvantaġġjati fejn jidħol ħlas meta pparagunat mal-irġiel. Il-Pulizija fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook għamlu referenza għal filmat li nxtered mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Malta (l-MFA) li fih dehret uffiċjal tal-Pulizija flimkien ma’ żewġ nisa oħra: is-Surġent Janice Xuereb.
Xuereb żgur li m’għandha bżonn l-ebda introduzzjoni hekk kif is-sajf li għadda f’filmat li ċċirkola fuq il-midja soċjali dehret tilgħab il-ballun ma’ grupp ta’ tfal – ġest li ntlaqa’ tajjeb minn bosta. Iż-żewġ plejers l-oħra huma Charlene Zammit (għalliema) u Dorianne Thuema li taħseb bħala assistenta personali.
Dawn it-tliet nisa mhux talli jilagħbu l-futbol wara l-ħin tax-xogħol, talli rnexxew ukoll fil-karriera tagħhom.