Monday, December 9, 2024

[ARA] Messaġġ mill-President George Vella f’għeluq l-ewwel sena tal-Presidenza

Aqra wkoll

YouTube video

Traskrizzjoni tad-diskors tal-President:

“Għaddiet sena mindu ħadt il-ġurament tal-ħatra bħala President tar-Repubblika ta’ Malta. Kienet sena mimlija avvenimenti li seħħew kemm fuq bażi nazzjonali u anke internazzjonali.

“Il-bidu ta’ din il-Presidenza nista’ ngħid li għaddiet minn ċirkostanzi bla preċedent. Iżda fl-aħħar mill-aħħar il-poplu Malti u Għawdxi dejjem wera l-karattru veru tiegħu.

“Is-solidarjetà u l-għaqda spikkaw fil-mument tal-prova. Dawn dejjem sħaqt fuqhom matul l-aħħar 12-il xahar u se nibqa’ ninsisti fuqhom tul din il-Presidenza!

“Bla dubju ta’ xejn, naħseb li fost l-iktar mumenti diffiċli li għaddejt minnhom kien fil-perjodu ta’ Diċembru, meta nqalgħet kwistjoni politika bla preċedent u kelli naġixxi b’kawtela u skont kif tippermetti l-Kostituzzjoni.

“F’din iċ-ċirkostanza tassew diffiċli, appellajt għall-kalma u biex kulħadd ikun konxju tar-responsabilitajiet li għandhom jinġarru.

“Il-pajjiż għadda minn perjodu ta’ tranżizzjoni sakemm inħatar il-Prim Ministru Robert Abela… Kien perjodu fejn spikkat il-maturità politika tal-poplu Malti u s-sens ta’ rispett lejn pajjiżna u l-valuri li nħaddnu. Irrid nirringrazzja lil kull min ikkopera biex titwaqqaf it-tensjoni, bla ma tnaqqsu ebda drittijiet ċivili u l-proċess demokratiku tħalla jaħdem.

Il-bidu ta’ din il-Presidenza nista’ ngħid li għaddiet minn ċirkostanzi bla preċedent

“Matul dak iż-żmien żammejt is-silenzju sabiex inħalli l-ġustizzja tieħu triqitha fl-investigazzjonijiet li kienu qed isiru dwar il-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia.  delitt li tefa’ tebgħa sewda fuq il-kuxjenza nazzjonali u nistenna li fi żmien raġonevoli ssir ġustizzja u ħaqq ma’ kull min kien involut f’dan l-att atroċi.

“F’dawn iċ-ċirkostanzi li żviluppaw, bdew isiru aktar appelli għar-Riforma Kostituzzjonali. Sirna konxji iktar fuq il-ħtieġa li partijiet tal-Kostituzzjoni jeħtieġu tibdil biex jirriflettu iktar u aħjar iż-żminijiet tal-lum u tal-futur. Infatti kien hemm parteċipazzjoni sodisfaċenti minn mijiet ta’ nies li ħadu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li varajt, u li ntemmet f’nofs Frar li għadda.  Irċevejna bosta proposti li qed jiġu analizzati.

“Il-pass li jmiss huwa li b’aktar konsultazzjoni pubblika, inkomplu nwittu t-triq għall-Konvenzjoni Kostituzzjonali li hija ntiża biex tkompli tixpruna l-ideat li għandhom iwasslu għal abbozzi li permezz tagħhom isiru l-emendi, li jinħass li jkunu meħtieġa fil-Kostituzzjoni mill-Parlament tagħna.

“Bla dubju ta’ xejn, l-iktar avveniment li ħalla impatt fuqna kien dak ta’ l-aħħar xhur meta d-dinja ntlaqtet mill-coronavirus – pandemija li affettwat ħażin lil bosta pajjiżi, l-iktar iċ-Ċina, u issa pajjiżi ġirien u qrib tagħna bħall-Italja, Spanja, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit.

“F’pajjiżna, l-imxija tal-virus qiegħda tinżamm taħt il-lenti kontinwament. Il-miżuri li qed jittieħdu huma f’waqthom biex il-virus ma jinfirixx f’daqqa mal-pajjiż kollu… irridu nimpenjaw ruħna issa biex nillimitaw ir-riperkussjonijiet fuq l-ekonomija Maltija u fuq il-ħajja soċjali tagħna. Nemmen li, bħalma rnexxielna negħlbu sfidi oħrajn u iktar diffiċli fil-passat, se jirnexxielna nirkupraw u nkomplu bir-ritmu ekonomiku li konna qbadna qabel seħħet din l-imxija.

“Personalment, inħoss li din il-Presidenza ġabitli mhux biss sfidi, iżda wkoll sodisfazzjon b’diversi laqgħat li kelli matul din is-sena. Ewlenin fosthom l-udjenza mal-Papa Franġisku, li kien mistenni jżur Malta wara stedina li għamiltlu meta żortu f’Settembru li għadda, żjara li issa tinsab posposta għal data oħra meta s-sitwazzjoni dinjija terġa’ tiġi għan-normal.

“Kelli wkoll laqgħat pożittivi mal-President Taljan Sergio Mattarella, ir-Reġina Eliżabetta II, il-Prinċep Charles, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, il-Gran Mastru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, l-Imperatur Ġappuniż, il-President Awstrijak u numru ta’ Presidenti oħra ta’ pajjiżi Ewropej, kif ukoll bosta dinjitarji oħra li lqajt magħhom hawn Malta.  Ta’ sodisfazzjon ukoll kienu l-istediniet li kelli biex nindirizza laqgħat f’universitajiet ewlenin f’Tokjo, fi Krakovja, f’Ruma u f’Londra.

“Lokalment, ħadt pjaċir niltaqa’ ma’ bosta rappreżentanti mill-korpi kostitiwiti Maltin, żort bosta entitajiet pubbliċi u kumpaniji privati, kont mistieden nindirizza bosta konferenzi b’temi varji, kif ukoll irnexxili niltaqa’ ma’ firxa wiesa’ ta’ nies – minn tfal għal żgħażagħ, persuni b’diżabilità, NGOs, u anzjani.

F’pajjiżna, il-miżuri li qed jittieħdu huma f’waqthom biex il-virus ma jinfirixx f’daqqa mal-pajjiż kollu… irridu nimpenjaw ruħna issa biex nillimitaw ir-riperkussjonijiet fuq l-ekonomija Maltija u fuq il-ħajja soċjali tagħna.

“Il-kuntatt man-nies, iċ-ċans li tisma’ minn fommhom l-ideat li jwasslulek, jgħallmuk u jżommuk infurmat. B’dan il-kuntatt man-nies tħoss il-polz tas-soċjetà u kif is-soċjetà qed tevolvi maż-żmien.  Kien għalhekk li matul din il-Presidenza kont xprun f’diversi inizjattivi, fosthom l-użu tajjeb tal-ilsien Malti, il-kuxjenza dwar is-saħħa mentali, u fuq kollox komplejt nagħti spinta fis-settur tal-filantropija biex ma nsemmix il-patrunaġġ li tajt f’tant u tant avvenimenti soċjo-kulturali u reliġjużi.  Hawnhekk irrid nirringrazzja lill-awtoritajiet ċivili u reliġjużi ta’ kull twemmin f’pajjiżna, għall-koperazzjoni u r-rispett li dejjem sibt mingħandhom.

“Żort il-pazjenti Maltin f’Londra darbtejn. L-istejjer tagħhom missewli qalbi, tant li jiena u marti bqajna nsegwuhom matul dawn it-12-il xahar. Minkejja s-sitwazzjoni politika mwegħra li kienet teżisti dak iż-żmien tal-Istrina tas-sena l-oħra, spikka l-altruwiżmu tal-poplu Malti u Għawdxi.

“L-avvenimenti li saru matul dawn ix-xhur fosthom l-August Moon Ball, Rockestra, il-Fun Run, il-Festa taċ-Ċitru, il-President’s Ball, il-ktieb Tisjir mill-Qalb, il-kampanja fl-iskejjel tal-Piggy Bank u bosta inizjattivi oħra, kellhom konkorrenza tajba mill-pubbliku. Ta’ dan grat ħafna…  F’dan il-qasam waħidna ma nistgħu nagħmlu xejn. Naslu biss bil-ġenerożità, l-għajnuna, il-ħidma u s-solidarjetà tagħkom.

“Irridu nkomplu nħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu. Nixtieq li matul it-tieni sena tal-Presidenza tiegħi, l-ewwel u qabel kollox neħilsu mill-pandemija tal-Coronavirus fl-iqsar żmien possibbli, filwaqt li jitwittew l-effetti fuq l-ekonomija u l-ħajja soċjali ta’ pajjiżna kemm jista’ jkun malajr. Nawgura li jibqa’ fostna s-sens ta’ solidarjetà li ġabitilna magħha din l-epidemija. 

“Nixtieq li dawk l-appuntamenti li kellna u ħassarna jew li ġew posposti għal data oħra, bħaż-żjara tal-Papa Franġisku, insibulhom posthom fid-djarju tiegħi kemm jista’ jkun malajr. Nittama li ladarba titbiegħed din il-marda, nagħtu spinta ħalli l-affarijiet jiġu lura għan-normal kemm jista’ jkun malajr.

“Irrid nara fix-xhur li ġejjin it-twettiq ta’ riformi li jattwaw iktar u aħjar dawk il-miżuri li jsaħħu s-saltna tad-dritt, u rrid nara wkoll li tiżdied il-fiduċja fil-qasam ġudizzjarju. Se nkomplu bil-ħidma fuq ir-Riforma Kostituzzjonali u nittama li nlestu x-xogħol li jwassalna għall-Konvenzjoni Kostituzzjonali.

“Fuq kollox, irrid nara l-kamp politiku iktar iffukat fuq l-ħolqien tal-ġustizzja soċjali, u l-ħolqien tal-ġid għas-soċjetà kollha. Matul is-sena li ġejja irrid ikolli wkoll iktar kuntatti ma’ għaqdiet tal-volontarjat, biex b’ħidma flimkien insaħħu l-għaqda f’pajjiżna. 

“F’ismi u f’isem marti nirringrazzja lill-istaff kollu tal-Uffiċċju tal-President għall-għajnuna kbira li jagħtuna fil-qadi ta’ dmirijietna. Nirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-imħabba u r-rispett li dejjem urejtuna. 

“Fl-aħħarnett, irrid ngħidilkom li f’dawn iż-żminijiet diffiċli, aħna ningħaqdu magħkom, għaliex bħalkom qed noqogħu d-dar u qed insegwu l-ordnijiet li qed jagħtuna l-awtoritajiet tas-saħħa għall-ġid tagħna u ta’ pajjiżna.

Grazzi u saħħa.  Viva Malta Repubblika!

Ekonomija

Sport