Wednesday, December 25, 2024

ARA: Mewġa ta’ kesħa u ċpar jikkawżaw kaos fit-Tramuntana tal-Indja

Aqra wkoll

Partijiet tat-Tramuntana tal-Indja qed jesperjenzaw mewġa ta’ kesħa qawwija u fit-tul li donna wasslet biex in-nies tilfu l-kontroll tal-ħajja li kienu mdorrijin biha.

Iċ-ċpar tqil wassal biex aktar minn mitt titjira u għexieren ta’ ferroviji ittardjaw tant li nħoloq kaos fl-ajruporti u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija. Madwar 23 miljun passiġġier huma stmati li jivjaġġaw kuljum permezz tal ferroviji fil-pajjiż.

L-awtoritajiet fil-belt kapitali Delhi talbu lill-iskejjel biex jestendu l-vaganzi tax-xitwa u kkanċellaw l-ewwel lezzjonijiet.

Kawża taċ-ċpar tqil, bosta kienu dawk li spiċċaw involuti f’inċidenti tat-traffiku

It-temperatura minima f’partijiet tal-belt kienet niżlet għal wieħed punt disa’ gradi nhar il-Ħadd. Stati oħra tat-Tramuntana wkoll kienu qed jiffaċċjaw mewġa ta’ kesħa akuta, b’temperaturi li niżlu għal sitt gradi taħt iż-żero.

Id-dipartiment tat-temp tal-Indja jiddikjara mewġa kiesħa meta t-temperatura minima tkun inqas minn erba’ gradi u għalhekk f’dan l-istadju talab lin-nies biex jevitaw u jillimitaw l-attivitajiet fil-beraħ sakemm jitjiebu l-kundizzjonijiet.

Il-kesħa qawwija mistennija wkoll tikkawża problemi ta’ saħħa, speċjalment fil-kapitali, li wkoll tesperjenza livelli ta’ tniġġis qawwi fix-xhur tax-xitwa. Nhar il-Ħadd, Delhi rat waħda mill-aktar ġranet ta’ ċpar tal-istaġun s’issa, bi ċpar tqil jgħatti l-belt għal diversi sigħat.

Il-kesħa estrema kienet partikolarment diffiċli għall-popolazzjoni tal-Indja bla dar, li ħafna drabi torqod ħdejn it-triq u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija.

Uffiċjali fil-pajjiż qegħdin jistennew li l-mewġa tal-kesħa tibda tonqos mill-10 ta’ Jannar.

Ekonomija

Sport