Mill-inqas sitt persuni nqatlu u 53 sfaw midrubin fi splużjoni f’żona magħrufa frekwentata minn ħafna nies fiċ-ċentru ta’ Istanbul.
Skont il-gvernatur tal-belt Torka Ali Yerlikaya, l-isplużjoni seħħet għall-ħabta tal-4:20 p.m (ħin lokali/ 1:20 p.m GMT) fi triq tax-xiri fiż-żona ta’ Pjazza Taksim.
Mhux ċar x’ikkawża l-isplużjoni għalkemm jidher li din inqabdet fuq diversi filmati li bdew jinxterdu ftit tal-ħin wara fuq il-midja soċjali.
Il-President Recep Tayyip Erdogan saħaq li dawk responsabbli se jkunu qed jiġu kkastigati għal dan l-aġir irresponsabbli.
Persuni minn fuq il-post iddeskrivew ix-xena bi preżenza qawwija tal-pulizija madwar Triq Istiklal, liema triq ingħalqet minnufih biex jiskattaw l-investigazzjonijiet. Barra minn hekk bdiet minnufih tfittxija permezz ta’ ħelikopters filwaqt li numru ta’ ambulanzi ssejjħu fil-post.
“In-nies kienu qed jiġru f’paniku … Kien hemm duħħan iswed. L-istorbju kien tant qawwi li kważi jtarrxek”, qal wieħed mix-xhieda.
It-triq li hija magħrufa sew max-xerrejja tant li hija xi ħaġa normali li tkun ippakkjata bin-nies kienet sfat fil-mira ta’ attakk suwiċida lura fl-2016.