Friday, December 20, 2024

ARA: “Morna għal xi ħaġa fattibbli u kommessi li nimplimentawha”

Aqra wkoll

“Ċerti deċiżjonijiet dwar il-proġett tal-Airfield f’Għawdex diġà ttieħdu speċjalment għax dan kien parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Hu proġett ambizzjuż li persważ li se jħalli ħafna ġid lill-gżejjer Maltin.” Qal dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri f’intervista li saritlu minn dan il-ġurnal dwar il-proġetti li qed isiru fil-gżira Għawdxija u l-prospetti turistiċi għall-ġimgħat li ġejjin fil-gżira tat-tliet għoljiet. 

Meta kien qed jitkellem dwar l-Airfield, huwa spjega li l-Ministeru għal Għawdex ħejja konsultazzjoni pubblika ma’ dawk kollha interessati sabiex jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar dan il-proġett. Il-Ministru Camilleri qal li dan l-Airfield se jirdoppja mid-daqs li jinsab bħalissa u l-pjan hu li jiddaħħlu ajruplani żgħar li jesgħu bejn 9 u 11-il passiġġier. Dan hu turiżmu partikolari għax min jiġi b’dawn l-ajruplani, normalment ikunu turisti ta’ kwalità li se jiġu f’Għawdex sabiex jonfqu l-flus u forsi wkoll iqattgħu xi ljieli f’xi lukanda jew appartament partikolari.

YouTube video

“Qed inħarsu b’mod pożittiv lejn dan il-proġett speċjalment għax se jkun hemm il-faċilità li tagħmel iċ-check-in f’Għawdex stess. L-għan ta’ din l-Air Field hi dik li nġibu lejn Għawdex skejjel ta’ bdoti sabiex inkomplu nkattru dan ix-xogħol tant importanti.”

Clint Camilleri kompla jgħid li qed iħarsu lejn aktar opportunitajiet ġaladarba dan il-proġett tal-Airfield isir realtà . Fost l-oħrajn hemm il-ħsieb li ssir żona riservata għad-drone testing. Dan kollu hu importanti minħabba li dak li jkun jara li l-prodott mixtri jkun tajjeb u li jkun skont il-permessi kollha meħtieġa. “Nixtieq ngħid ukoll li filwaqt li ma rajniex kbir, morna għal xi ħaġa li hija fattibbli u kommessi li nkunu qegħdin nimplimentawha.”

Huwa tkellem ukoll dwar il-proġett taċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv fir-Rabat Għawdex fejn spjega li dan il-proġett miexi b’ritmu tajjeb ħafna. “Qegħdin naħdmu bla heda għaliex irridu naraw li dan iċ-ċentru jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku kmieni s-sena d-dieħla,” sostna l-Ministru għal Għawdex filwaqt li qal li dan hu proġett ambizzjuż ħafna li hu mistenni minn ħafna sportivi Għawdxin. 

Sadanittant, hekk kif resqin lejn il-bidu tas-sajf 2022 fil-gżejjer Maltin, hemm prospetti tajbin għal turiżmu intern kif ukoll dak estern. Il-Ministru Camilleri deher mal-ewwel ottimist li dan is-sajf se jkun wieħed ferm importanti u kruċjali sabiex l-ekonomija Għawdxija verament terġa’ tieħu dik l-ispinta li tant għandha bżonn.

“Jidher li ċ-ċifri li għandna quddiemna għandhom ikunu ferm pożittiv speċjalment bit-tbassir tajjeb li għandhom il-lukandiera u dawk tar-ristoranti hekk kif bdew deħlin bookings qawwija wara perjodu ta’ inċertezza dovut għall-pandemija tal-COVID-19.”

Il-Ministru Camilleri sostna li t-turist hu ferm importanti għall-ekonomija Għawdxija. Jitkellem dwar il-fatt li l-barranin li jiġu f’pajjiżna huma bżonnjużi għax jikkontribwixxu għat-turiżmu estern għalkemm ammetta li anke dak intern li normalment għandu x’jaqsam mal-Malti li jmur iqatta’ l-vaganzi tiegħu f’Għawdex hu ferm importanti.

“Il-Malti li jiġi Għawdex jonfoq ħafna flus hawnhekk u jagħti kontribut sabiex ir-rota f’din il-gżira tkompli ddur. Huwa għalhekk li t-turiżmu intern irridu nibqgħu nibżgħu għalih.”

Huwa qal li kważi kważi l-pandemija kważi tinsab warajna u għalhekk kulħadd qed iħares b’mod pożittiv lejn sajf ta’ xogħol, ġid u prosperita’.

Finalment saqsejna lill-Ministru t’Għawdex dwar il-futur li jidher wieħed ferm sabiħ għall-gżira tat-tliet għoljiet. “Nemmen li se jkollna sajf pożittiv. Għawdex hi ġawhra li wieħed għandu jkompli jibża’ għaliha għax toffri ambjent li sa ċertu punt għandu xi ħaġa differenti minn Malta. Ħafna jgħiduli li eżatt kif jinżlu mill-vapur jew il-fast ferry iħossu emozzjoni partikolari, sens ta’ trankwillità li din il-gżira għadha kapaċi toffri.”

“Għalhekk għedtlek li rridu nkomplu nibżgħu għat-turiżmu intern minħabba li dan hu miftuħ is-sena kollha speċjalment f’ċerti okkażjonijiet oħra bħal Milied, il-Karnival u l-festi tal-Għid.”

“B’sodisfazzjon ngħid li apparti s-servizz tal-Gozo Channel, minn sena ilu ‘l hawn għandna l-Gozo Fast Ferry li qed jipprovdi servizz impekkabbli bejn il-Belt Valletta u l-Imġarr. Ħafna użaw dan is-servizz li fih kumdita’ partikolari speċjalment għal dawk li jridu jaqbdu servizz b’differenza.”

Camilleri jispjega li x-xogħol tiegħu hu wieħed li jrid iwassal din il-gżira bħala d-destinazzjoni naturali mhux biss għall-Maltin iżda wkoll għall-barranin. L-aspirazzjoni ewlenija tiegħu tibqa’ dik li Għawdex ikompli jiżviluppa sew fuq livell ekonomiku wara sentejn ta’ inċertezza dovuta għall-pandemija tal-COVID-19. Soċjalment u anke turistikament, Għawdex minn dejjem ta kontribut tajjeb lil min xi darba ġie jżur dan il-post. Il-viżjoni hi waħda ċara u din trid tkompli tiżviluppa dejjem aktar. 

“Finalment ngħid li kif irranġajna diversi lokalitajiet bi tqegħid ta’ tarmak ġdid u proġetti infrastrutturali mill-isbaħ, issa jmiss li nimirħu fi proġetti ambjentali oħra li jagħtu pulmun ġdid lil Għawdex filwaqt li jkompli jsebbaħ l-ambjent diġa’ sabiħ li għandna.”

“Qed inħarsu lejn proġett ġdid fil-Belt Victoria fejn il-ħsieb hu li jkollna Public Open Space b’car park taħt l-art sabiex nagħtu aktar spazji ħodor lill-poplu Malti u Għawdxi. Wara kollox din hi wegħda li tinsab fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista u għalhekk se jkunu qed iwettqu dak li ġie propost.”

“L-aħħar kelma ngħidha lil dawk kollha li jżuru din il-gżira tant sabiħa. Ejja nibżgħu għaliha għax kif għedt aktar qabel din hi ġawhra u kif jgħidu wkoll djamant. Dan il-post għadu joffri ċerta trankwillità u paċi li jagħmluha unika.”

Ekonomija

Sport