Sunday, December 22, 2024

ARA: “Qed jiżdiedu n-nies li jiġu jieklu hawn … Fl-ewwel sena tlifna tliet persuni”

Aqra wkoll

Is-soup kitchen hu kunċett li fih jiġbor diversi persuni li jingħaqdu flimkien u filwaqt li jgħidu kelma, jaqsmu l-esperjenzi ma’ xulxin waqt ikla tajba. Żmien il-Milied ġieli ġab lejn dan il-post madwar 140 persuna għax skont il-Patri Franġiskan Marcellino Micallef, dan hu perjodu partikolari fejn in-nies tiltaqa’ u min iħossu waħdu jfittex ma’ min jgħid kelma. Hu jgħidilna li iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed jara żieda fil-kwantità ta’ nies li jiġu hawnhekk. 

YouTube video

F’intervista ma’ Talk.mt, Fr Marcellino, li huwa d-Direttur ta’ Soup Kitchen Malta fil-Belt Valletta qalilna li waħda mill-ħolmiet li kellu kienet proprju li jiftaħ post sabiex jindirizza ż-żieda enormi ta’ nies bla saqaf fuq rashom u li jbatu bil-problema tal-ġuħ. Hu jagħmel dan għax skont hu jixirqilhom kull dinjità possibbli.

Grazzi għall-fondi tal-Awtorità tal-Ippjanar u xi donazzjonijiet u l-għajnuna ta’ aktar minn 25 voluntier, il-Franġiskani setgħu jipprovdu xi servizzi fosthom l-użu ta’ magna tal-ħasil, xawers, servizz ta’ qtugħ tax-xagħar u counselling. 

Dawn il-faċilitajiet, li jiswew madwar €500,000 huma mgħammra sabiex iservu madwar 80 persuna kuljum filwaqt li hu stmat li jinħarġu mal-200,000 ikla kull sena. 

Dan is-sit tkellem ma’ Patri Marcellino Micallef fejn tana aktar informazzjoni dwar dan il-kunċett ferm nobbli li kellu rieda qawwija li jwettaq. “L-għan tagħna li nindirizzaw il-problema tal-faqar u l-miżerja li sfortunatament għad hawn ħafna nies jgħixu fiha. Darba kont qed inqaddes fuq muntanja f’waħda mill-missjonijiet li ġieli mort fihom. Dawn in-nies ma kellhom xejn u meta ngħid xejn, verament xejn. Stajt nesperjenza l-miżerja fl-ewwel persuna. Niftakar li meta nżilt mill-muntanja u spiċċajt il-quddiesa, bdejt nibki x’ħin rajt dan kollu. Tajt l-għajnuna tiegħi iżda ma ridtx nieqaf hawn. Ridt ngħin issa lil dawk li f’pajjiżi stess jesperjenzaw il-ġuħ. U kien għalhekk li ftaħt is-soup kitchen f’Malta.”

Tkellimna ma’ Patri Marcellino dwar il-faqar f’Malta. Kemm hi gravi din il-problema?

“L-ewwel nett hemm diversi forom ta’ faqar. Hemm dak materjali fejn hemm uġigħ mentali abbuż ta’ alkoħol u droga u anke użura. Hemm sfidi li jridu jiġu indirizzati għax dawn in-nies qed ibatu fis-silenzju u bilfors li jridu jiġu megħjuna sabiex il-kwalità tal-ħajja tagħhom titjieb għax inkella jibqgħu mwaħħlin f’dan iċ-ċirku xejn sabiħ.”

Patri Marcellino qal li dawn in-nies għandhom bżonn il-ħiliet meħtieġa sabiex jinqalgħu mill-problema soċjali li jinsabu fihom. 

Tkellimna miegħu wkoll dwar is-soċjetà moderna li llum il-ġurnata qed ngħixu fiha. Jista’ jkun li minħabba li Alla mhux dejjem qed ikun preżenti f’qalb dawn in-nies, dawn tal-aħħar qed jgħixu f’ċertu vojt?

“Illum qed ngħixu f’soċjetà fejn ir-regħba qed tidħol mgħaġġla fil-mentalità ta’ dak li jkun. Il-bniedem donnu iktar irid u mhux kuntent b’dak li għandu. Kif jgħidu hawn min hu mejjet għall-qatra u hawn min hu fis-sakra. Dan hu kuntrast fl-istil ta’ ħajja li ċerti nies qed jgħixu.”

“Għalkemm hu fatt magħruf li l-poplu Malti hu wieħed ġeneruż fejn għandu x’jaqsam donazzjonijiet li jinġabru fi żmien il-Milied u anke matul is-sena, xorta għadek issib nies li mhux lesti jaqsmu minn dak li għandhom ma’ ħaddieħor.”

Fr Marcellino Micallef irrimarka li bħalma l-gvern Malti investa waqt il-pandemija tal-COVID-19, issa hemm bżonn li jagħmel l-istess fil-problema tad-droga u l-alkoħol. Hu qal li speċjalment fix-xorb, ma tantx hawn dixxiplina u għalhekk il-problemi jibqgħu jikbru. Micallef sostna wkoll li l-istess pandemija tal-COVID-19 ġabet ħafna solitudni fost iż-żgħażagħ li fl-età ta’ 14-il sena ‘l fuq ma setgħux jissoċjalizzaw. 

Is-solitudni taffettwa mal-54 fil-mija tal-Maltin f’xi mument jew ieħor fil-ħajja. Hu jgħid li hemm differenza bejn li tkun waħdek fiżikament u mentalment. Fil-fatt hawn ħafna nies li b’xi mod jew ieħor jiltaqgħu m’oħrajn fuq il-post tax-xogħol jew iċ-ċrieki tal-ħbieb. Madankollu minn ġewwa jħossu ħafna nuqqas u huma waħedhom.

Fr Marcellino jgħidilna li b’xorti ħażina sab ukoll xi reżistenza minkejja li dan hu proġett li jibbenefikaw minnu nies li għandhom ċerti bżonnijiet soċjali u xi kultant ukoll spiritwali. Minkejja kollox, Alla dejjem mexxih fit-triq tas-sewwa u tah il-gwida sabiex dan il-proġett li skont hu kollu ġej minnu, jtih il-qawwa jkompli jsostnih bl-aqwa mod.

Mal-bieb ta’ din is-Soup Kitchen, hemm sentenza partikolari bl-Ingliż li mal-ewwel tolqot l-għajn; Please wait to be served not to be seated.

“Ħriġna b’dik is-sentenza għax hu ferm sabiħ li int taqdi lill-proxxmu. Il-ferħ qatt m’għandek iżżommu għalik iżda importanti li taqsmu ma’ ħaddieħor. Jien għandi frażi li nħobb ngħidha. Il-ferħ waħdek jiżvinta. Il-ferħ ma’ ħaddieħor jiffjorixxi.”

“Fuq kollox, il-fqir jixraqlu dejjem l-aħjar minkejja li forsi jsib ħafna diffikultajiet quddiemu. Dan hu l-ewwel wieħed li jbati. Min hu miljunarju, dejjem se jsaltan mingħajr ma jitlef sold, anzi kapaċi dejjem ikompli jaqla’ l-flus.”

Fr Marcellino Micallef xtaq jirringrazzja lill-Prim Ministru Dr Robert Abela, lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, lill-President ta’ Malta Dr George Vella u anke l-Ministru Michael Falzon li tawh l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex dan il-proġett li beda jkompli sejjer għall-aħjar.

Gejtu – wieħed minn dawk il-persuna li jibbenefika mis-servizz tas-Soup Kitchen

Finalment Fr Marcellino Micallef qalilna li l-għajnuna u l-providenza t’Alla huma kbar. Hu jitlob dejjem sabiex dawk in-nies li jsibu problema li jkollhom saqaf fuq rashom isibu l-għajnuna meħtieġa sabiex jgħixu b’dinjita’. Hu inaċċettabbli li fiż-żminijiet tal-lum issib nies li għadhom jorqdu f’garaxx sempliċement għax ma jaffordjawx jixtru post bażiku.

“L-edukazzjoni hi ċ-ċavetta ta’ kollox. Bniedem għandu jeduka ruħu sabiex jiftaħ iktar bibien u opportunitajiet la jikber apparti li jsib xogħol diċenti li minnu jista’ jgħix ħajja komda.”

Hu jagħlaq il-messaġġ tiegħu b’wieħed ta’ kuraġġ fejn stieden lil dawk li qed iħossuhom waħedhom sabiex f’Jum il-Milied jmorru hemmhekk u jqattgħu dawn il-jiem sbieħ ma’ nies oħrajn.

Finalment hu jitlob ukoll l-għajnuna tal-pubbliku jagħtu d-donazzjoni tagħhom jew anke ftit mill-ħin voluntarju. Dak li jkun jista’ jikkuntattjahom fuq email [email protected].

Ekonomija

Sport