Friday, April 26, 2024

ARA: “Kelli ngħaddi minn żewġ affarijiet f’salt … Perjodu ħażin waqt żmien ħażin”

Cheyenne Muscat - s’issa ġabret iktar minn €6,000 għall-Malta Community Chest Fund

Aqra wkoll

YouTube video

Iż-żmien taż-żgħożija huwa wieħed kruċjali fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna għaliex matulu jittieħdu deċiżjonijiet importanti għall-futur tagħna. Hemm nies li jippruvaw iħejju l-aspirazzjonijiet li jkollhom pass pass, filwaqt li oħrajn jagħżlu li jerħu l-pjanijiet tagħhom iżjed f’idejn id-destin u meta tiġi  l-opportunità jaħtfuha. Però, meta nintlaqtu minn mument diffiċli f’ħajjitna, dan ikun daqsxejn iżjed ta’ sfida biex naslu fejn inkunu nixtiequ. Madanakollu hemm oħrajn li perjodu negattiv kapaċi jinstigahom biex joħolqu prospett pożittiv. Kien dan li għamlet Cheyenne Muscat — tfajla Naxxarija ta’ 25 sena li sena ilu skopriet li għandha kanċer.

Il-konċepiment tal-kumpanija “e.lementi”

F’intervista li għamel Talk.mt ma’ Cheyenne hija spjegat li din kienet xi ħaġa li minn dejjem xtaqet tagħmilha u xtaqet illi bdietha qabel. Però kellu jkun wieħed mill-iktar mumenti diffiċli f’ħajjitha, iż-żmien fejn kienet qed tiġi rikoverata l-isptar, meta ħasset li wasal il-waqt opportun biex tiftaħ il-kumpanija tagħha. “Hija xi ħaġa iżjed speċjali għaliex bnejtha f’mument diffiċli għalija,” stqarret Cheyenne. Żiedet tgħid magħna li r-raġuni prinċipali għaliex bdietha fiż-żmien li kienet qed tirċievi t-trattament hija biex taljena moħħha u tevita li taħseb fuq affarijiet negattivi.

Il-kumpanija “e.lementi” tinvolvi l-ħolqien ta’ oġġetti relatati mal-iddisinjar (digital prints); affarijiet li jwasslu għall-ipprintjar, fosthom logos, branding, powsters. Fi ftit kliem, kull tip ta’ oġġett diġitali li wieħed jista’ jkollu bżonn f’format ippintjat, Cheyenne tista’ tagħmlu realtà.

Tipprova toħroġ lat pożittiv minn din l-esperjenza negattiva

Cheyenne tirrakkonta li l-esperjenza li għaddiet minnha ma kinitx faċli għaliex għall-bidu ħasset li ħajjitha kienet se tispiċċa. Però hija tgħid li għamlet kuraġġ u bis-saħħa tas-sapport li kellha mill-familjari u l-ħbieb — li flimkien tawha l-kuraġġ u s-sapport meħtieġ biex — irnexxielha tibqa’ għaddejja b’ħajjitha. Barra minn hekk, Cheyenne permezz ta’ din l-esperjenza kemxejn negattiva, irnexxielha toħroġ lat pożittiv minnha, fosthom li saret tapprezza iktar li tqatta’ l-ħin mal-familjari tagħha, tgħallmet iżjed li fil-ħajja m’għandniex nieħdu l-affarijiet “for granted” u jekk hemm xi ħaġa li tixtieq tagħmilha, ma taħsibhiex darbtejn u tibqa’ tippersisti li tagħmilha. 

Tiskopri li għandha kanċer

Cheyenne tgħid li kienet vera b’kumbinazzjoni li saret taf illi għandha kanċer. Hija tirrakkonta li jum fost l-oħrajn marret għand it-tabib minħabba xi allerġiji li tesperjenza fix-xitwa u qaltlu li qed jintefħilha għonqha. Minħabba li tbati bl-ansjetà ħasbet li dan għandu x’jaqsam mal-attakk nervuż, però malli ħassilha għonqha, it-tabib ħass ċesta. Hija tkompli tgħid li t-tabib irreferieha biex nagħmel biopsies u xi testijiet. Evantwalment irriżulta li kellha kanċer. 

Ġimgħa wara daħlet l-isptar biex tagħmel operazzjoni. Madwar xahrejn wara li lestiet l-operazzjoni rċeviet trattament magħruf bħala ‘radioactive iodine’. Minn hemmhekk hija tgħid illi wara l-ewwel trattament “komplejt ħajti b’mod normali”. Dis-sena reġgħet għamlet xi ultrasounds u rriżulta li għandha tikek f’għonqha; minħabba f’hekk kienu se jerġgħu joperawha. Però minn patch scan irriżulta li għandha tikek fil-pulmun ukoll u qalulha li jkun inutli illi joperawha u jħallu l-pulmun kif inhu. Tawha trattament ieħor — l-istess bħal tas-sena ta’ qabel imma b’doża iżjed qawwija — bit-tama li jgħin kemm għat-tikek t’għonqha kif ukoll għal tal-pulmun. Sfortunatament dan it-trattament ma rnexxiex u rreferewha għal trattament ieħor. Minn scans li saru rriżulta li kollox għadu stabbli, allura rrakkomandawlha biex għalissa ma tirċivix dan it-trattament.

L-għajnuna mill-Malta Community Chest Fund 

“Li kieku ma kienx għall-Malta Community Chest Fund, ċertu trattament ma stajtx nieħdu min-naħa tiegħi,” tistqarr Cheyenne. Hija tkompli tgħid li aħna l-Maltin iffortunati ħafna għall-fatt li għandna trattament li nistgħu niħduh għall-kanċer u għall-mard ieħor. Però, Cheyenne bħal bosta oħrajn, hija konxja li dawn it-trattamenti sfortunatament jiswew ħafna flus. Fosthom issemmi li kellha bżonn tieħu xi injections li kienu jiswew fuq €800-il waħda. Dan apparti li t-trattament innifsu kien jiswa ammont kbir ta’ flus ukoll u li kieku kompliet tiggravalha s-sitwazzjoni, il-Malta Community Chest Fund diġà kienet lesta li toffriliha ċertu fondi biex tieħu t-trattament neċessarju. Għalhekk hija tagħraf l-importanza sinjifikanti li kellha l-Malta Community Chest Fund f’ħajjitha, għaliex bl-għajnuna tagħha kien possibbli li tingħata t-trattament meħtieġ. “Li kieku ma jkunux huma, ma nkunux nistgħu nieħdu t-trattament li jkollna bżonn biex ngħixu ħajja normali,” tenfasizza Cheyenne.

It-trattament…

Cheyenne spjegat li fiż-żmien li kellha bżonn it-trattament hi kienet daqsxejn “iffortunata”, għaliex dan kien diġà disponibbli hawn Malta u għalhekk frankat li toqgħod tiġri minn pajjiż għall-ieħor. Hija tqis il-fatt li ma kellhiex għalfejn issiefer għall-kura bħala “għajnuna” għax dik il-ħaġa li trid issiefer — ovvjament mhux għall-gost imma b’każ ta’ mard — mhix xi ħaġa sabiħa, tisħaq Cheyenne.

Wara l-operazzjoni hija damet madwar ġimgħa l-isptar għax kellha xi kumplikazzjonijiet minħabba l-calcium, imbagħad għamlet trattament ieħor fejn kellha ddum jumejn l-isptar u bejn erba’ u ħamest ijiem id-dar waħidha mingħajr ma tagħmel kuntatt mal-familjari, għax “Ovvjament minħabba li ħadt ċertu raġġi kien t’għajnuna għalija imma ta’ ħsara għal ta’ madwari,” tgħid Cheyenne. Il-perjodu tat-trattament kien wieħed qasir però kif normalment wieħed jistenna, hija baqgħet tħoss xi side effects tant li damet madwar ħames xhur sakemm reġgħet ġiet f’tagħha.

Sfortunatament, fiż-żmien li bdiet tirċievi t-trattament konna fl-aqwa tal-pandemija tal-Covid-19. Dan kompla jagħmilha iżjed diffiċli għaliha għaliex minħabba r-restrizzjonijiet li ġew implimentati, persuna waħda biss setgħet tmur taraha u kien jinħtieġ l-ilbies tal-maskri. “Kelli ngħaddi minn żewġ affarijiet f’salt. Perjodu ħażin waqt żmien ħażin,” tgħid Cheyenne. F’dan il-perjodu sensittiv, hija kienet kostretta li tpoġġi saħħitha bħala prijorità u għażlet li taħdem mid-dar, għaliex kienet tkun qed tpoġġi ħajjitha f’riskju jekk f’dik il-qagħda vulnerabbli tissogra li tkompli titħallat man-nies u tieħu l-virus. Anki fil-każ tal-passatempi — kienet tħobb tmur tiżfen — imxiet b’ċerta kawtela u minflok bdiet tiżfen mid-dar. Però, issa li dis-sena tjiebet il-kundizzjoni ta’ saħħitha, hija kienet kostretta li tkompli għaddejja b’ħajjitha b’mod normali kemm jista’ jkun.  

L-inizjattiva ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund

Cheyenne għal dawn l-aħħar ġimgħat ħarġet b’inizjattiva sabiex tgħin biex jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund. Hija tispjega li qatt ma basret li xi darba kienet se tiġi bżonn tal-flus hi stess, tant li ta’ kull sena hi u l-familja tagħha jagħtu d-donazzjoni tagħhom bl-iskop li jgħinu lil ħaddieħor u mhux għax qatt għadditilhom minn moħħhom li se jiġu bżonnhom huma. Cheyenne tgħid li riedet toħloq din il-ġabra għax il-fatt li tgħin lil ħaddieħor iġibilha ħafna ferħ. 

Jinġabru iktar minn €6,000 … Minn fejn waslu l-parti l-kbira tad-donazzjonijiet? 

Cheyenne, b’sorpriża kbira għaliha, tikkalkula li bħalissa s-somma qabżet is-€6,000. “Ma stennejtx li se niġbor dan l-ammont kollu. Għall-ewwel ħsibt li d-donazzjonijiet kienu se jingħataw mill-ħbieb u l-qraba biss,” tesprimi b’ferħ Cheyenne. Il-maġġorparti ta’ dawn id-donazzjonijiet ingħataw mill-kumpanija Tektraco, minn ħaddiem tal-Alberta — li huwa pazjent innifsu u qed jieħu t-trattament hu wkoll — flimkien mal-kollegi tiegħu li taw donazzjoni sabiħa ħafna. Kien hemm ukoll St Claire’s College ta’ Pembroke — l-iskola sekondarja fejn kienet tattendi Cheyenne stess; hija tispjega kif saret attività ta’ ġbir ta’ fondi mill-iskola u parti mill-fondi tawhom lilha sabiex jissapportjawha fl-inizjattiva tagħha — kif ukoll l-iskola primarja tal-Birgu.

L-appell ta’ Cheyenne għal dawk li għaddejjin minn esperjenzi simili

Hija ssemmi li permezz tal-midja soċjali rċeviet bosta messaġġi ta’ kuraġġ mingħand nies li ma tafhomx, mingħand oħrajn li forsi kienu għaddejjin mill-istess sitwazzjoni tagħha u mingħand nies li għadhom ħa jibdew il-proċess. Din l-inizjattiva laqqgħetha ma’ bosta nies ġodda li kienu t’għajnuna għaliha wkoll. 

“L-appell tiegħi huwa li ma jaqtgħux qalbhom għax il-kuraġġ nofs il-fejqan”

Cheyenne Muscat

Hija tenfasizza li jekk xi individwi jħossu l-ħtieġa li jiftħu qalbhom ma’ xi ħadd, għandhom jagħmlu dan immedjatament, għaliex jekk jibqgħu jżommu kollox ġo fihom jaf ikun agħar.

“Nemmen li l-iktar ħaġa importanti hi li tagħmel kuraġġ u timbotta lilek innifsek biex tkompli għaddej b’ħajtek b’mod normali kemm jista’ jkun. Ovvjament ħa jiġu ġranet diffiċli: jiena kelli ġranet fejn kelli aptit noqgħod fis-sodda nibki, imma mbagħad ngħid li inutli”. 

X’inhu l-appell ta’ Cheyenne għal waqt l-Istrina?

“L-unika ħaġa li nista’ ngħid hi grazzi tal-għajnuna li jsibu l-pazjenti għaliex li kieku ma jkunux dawn il-flus ma nkunux nistgħu nibqgħu għaddejjin b’ħajja normali għax ma nkunux nistgħu nieħdu t-trattament … Agħtu d-donazzjoni tagħkom. Kull donazzjoni tgħodd, żgħira kemm hi żgħira. Tkunu qed tgħinu nies bħali li għaddejjin minn żmien diffiċli biex inkunu nistgħu nibqgħu ngħixu ħajjitna b’mod normali,” tistqarr Cheyenne.

Nhar it-Tnejn li ġej, 26 ta’ Diċembru 2022, Cheyenne se tkun preżenti waqt l-Istrina fejn apparti li se tippreżenta d-donazzjoni personalment, hija se tkun qed twieġeb it-telefonati wkoll.

Sport