Il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (CAS) it-Tlieta mistennija tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-kontroversja li nqalgħet wara l-finali tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani bejn is-Senegal u l-Marokk, liema deċiżjoni se tiddetermina min għandu uffiċjalment it-titlu tal-2025.
F’avviż maħruġ it-Tnejn, il-CAS ikkonfermat li d-deċiżjoni se titħabbar it-Tlieta 24 ta’ Novembru, matul wara nofsinhar, wara li semgħet l-argumenti tas-Senegal, il-Marokk u l-Konfederazzjoni Afrikana tal-Football (CAF).
Il-kontroversja bdiet fil-finali tat-18 ta’ Jannar f’Rabat, meta s-Senegal ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 wara l-ħin barrani permezz ta’ goal ta’ Pape Gueye. Madankollu, il-partita kienet immarkata minn inċident kontroversjali meta l-players Senegaliżi ħallew il-ground għal madwar 14-il minuta bi protesta wara li l-Marokk ingħataw penalty lejn it-tmiem.
Brahim Diaz falla mill-11-il metru u l-partita kompliet, bis-Senegal eventwalment jiskorjaw l-goal tar-rebħa fil-ħin barrani.
F’Marzu, il-Bord tal-Appell tal-CAF qaleb ir-riżultat u ddikjara lis-Senegal telliefa bl-iskor ta’ 3-0 minħabba li l-players kienu telqu mill-ground mingħajr awtorizzazzjoni, u b’hekk il-Marokk ingħataw t-titlu.
Is-Senegal appellaw din id-deċiżjoni quddiem il-CAS fil-25 ta’ Marzu, u s-seduta saret f’Lausanne, fit-8 ta’ Ottubru.
Id-deċiżjoni se tiddetermina jekk is-Senegal jerġħux jingħataw it-titlu li kienu rebħu fil-ground jew jekk il-Marokk iżommux il-kuruna kontinentali mogħtija lilhom mill-CAF.
Il-president tal-CAF, Patrice Motsepe, diġà ddikjara li l-organizzazzjoni se tirrispetta u timplimenta d-deċiżjoni tal-CAS, ikun xi jkun l-eżitu tagħha.




