Friday, November 15, 2024

ARA: “Qed naħdmu biex noħolqu l-aqwa pakkett possibbli għall-ġid tal-edukaturi kollha” – Marco Bonnici

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu f’kampanja elettorali, il-Partit Laburista qed iniedi bosta proposti mill-manifest elettorali tiegħu u li qed jgħaddi aktar informazzjoni lin-nies. Fost ħafna proposti li qed isiru hemm dawk relatati mas-settur tal-edukazzjoni. 

Fil-laqgħat li qed ikollu man-nies, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar diversi affarijiet li beħsiebu jdaħħal f’dan is-settur ġaladarba l-Partit Laburista jkun fil-gvern. Fost l-oħrajn semma’ kemm jixtieq sistema edukattiva fejn ma jkunx hemm bżonn aktar homework għat-tfal, l-installazzjoni tal-arja kundizzjonata fil-klassi u l-immodernizzar tal-iskejjel. Apparti minn hekk, l-iktar wegħda importanti li qed issir hi proprju ż-żieda fis-salarji tal-għalliema ftit xhur qabel ma’ jsir il-ftehim kollettiv ġdid aktar tard din is-sena. 

Il-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar jiem iltaqa’ fost oħrajn mal-Unjin Maltija tal-Għalliema fejn ġie diskuss dan is-settur tant importanti għal pajjiżna. Kien għalhekk li dan is-sit tkellem mal-President tal-Malta Union of Teacher (MUT) fejn deher sodisfatt li għallinqas iż-żewġ partiti qed jaqblu li s-settur edukattiv għandu bżonn aktar inċentivi.

“Bħala unjin tlabna liż-żewġ partiti sabiex is-settur tal-edukazzjoni jitla’ fl-aġenda nazzjonali. Naħseb kulħadd jaqbel li hemm bżonn titjib u bidliet radikali fl-edukazzjoni. Għalhekk intenni li hu pożittiv il-fatt li ż-żewġ partiti għandhom pjanijiet sabiex mhux itejbu l-ħajja akkademika tal-istudenti iżda jinċentivaw il-ħajja professjonali tal-għalliema li huma importanti sabiex ikollna edukazzjoni ta’ kwalita’.”

“Ilqajna tajjeb l-għotja li se tingħata ta’ kotba u laptops lill-istudenti kif ukoll iż-żidiet fis-salarji tal-edukaturi li tant konna ilna nisħqu fuqha.”

Marco Bonnici qal li f’dawn l-aħħar snin, is-settur edukattiv bata’ ħafna sabiex jattira żgħażagħ li jixtiequ jilħqu għalliema. Fil-passat kien hawn kompetizzjoni kbra sabiex wieħed jieħu l-professjoni ta’ għalliem, xi ħaġa li llum ma teżistiex. Mhux hekk biss iżda l-gvern kellu jżomm is-sejħa għall-għalliema miftuħa minħabba li hawn nuqqas u għalhekk min jixtieq jidħol, jista’ jagħmel dan tul is-sena kollha. Hu kkonfermalna li hawn diversi suġġetti li għalliema għalihom m’hawnx fosthom ix-xjenza, il-matematika u t-teknoloġija tal-informatika. Barra minn hekk, il-problemi qed jidhru ferm fl-iskejjel primarji fejn hemmhekk in-nuqqas ta’ għalliema hu ikbar. Dan kollu qed ifisser li għalliema li normalment jaħdmu fis-settur tal-litteriżmu qed jispiċċaw jgħallmu fil-klassi minflok dawk regolari. Hu jgħid li dan kollu jfisser nuqqas ta’ servizz għall-istudenti speċjalment dawk li għandhom bżonn aktar għajnuna fejn għandu x’jaqsam il-litteriżmu.

Il-president tal-MUT jisħaq li hemm bżonn li jkun hemm aktar żgħażagħ jidħlu fl-edukazzjoni u jerġa’ jkun hemm il-kompetizzjoni sabiex wieħed jidħol għalliem għax hekk ikollna aktar minn fejn nagħżlu. Bl-investiment li se jsir dan kollu jaf ikun possibbli għalkemm irid ikun hemm iktar motivazzjoni sabiex dan is-settur jerġa’ jikber kif kien xi darba.

Insaqsuh dwar id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jekk il-Partit Laburista jingħata l-fiduċja, se jkun qed iżid il-pagi tal-għalliema. Min-naħa tiegħu, anke l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wiegħed reviżjoni fis-salarji ta’ dawn il-professjonisti. Iżda Marco Bonnici kemm ikun f’diskussjoni maż-żewġ partiti ewlenin?

“Jien niddiskuti mal-Ministru tal-Edukazzjoni u s-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni kontinwament. Dejjem ngħidilhom bil-problemi li qed jaffaċċjaw l-edukaturi li jinkludu mhux biss għalliema iżda wkoll Kindergarten Assistants (KG) u Learning Support Educators (LSE). Il-kelma tiegħi hi dejjem waħda, dik li nsaħħu dan is-settur.”

“Għallinqas iż-żewġ partiti nkludew sew is-settur tal-edukazzjoni fil-programm elettorali tagħhom u apparti minn hekk għandhom ivvutat pakkett finanzjarju tajjeb. Dan kollu ser iseħħ ftit xhur qabel il-ftehim kollettiv ġdid li għandu jsir f’Diċembru li ġej. Dan hu ftehim li hawn min jsejjaħlu wieħed settorjali fejn din id-darba jrid jagħmel id-differenza. Kif nafu u kemm ili nisħaq, hemm bżonn ta’ titjib fis-salarji għax dan jaf jattira aktar żgħażagħ lejn din il-professjoni li jien insejħilha waħda nobbli. Dawn il-proposti jinsabu fis-seħħ u għandhom ikomplu jagħtu aktar titjib f’settur ferm importanti u kruċjali għall-futur tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Marco Bonnici tkellem kif f’dawn l-aħħar ġimgħat inħatar il-Ministru tal-edukazzjoni l-ġdid Clifton Grima li ħa post Justyne Caruana. Hu qal li ftit sigħat wara li seħħet din il-ħatra, hu ltaqa’ miegħu minnufih fejn saret diskussjoni interessanti fejn il-kliem waqa’ fuq kemm hu importanti li nattiraw aktar nies lejn dan is-settur filwaqt li semmielu wkoll il-ftehim settorjali ta’ Diċembru. Fuq dan tal-aħħar, Bonnici qal li hemm bżonn li f’dan iż-żmien dawk kollha involuti fl-edukazzjoni jantiċipaw il-bżonnijiet li hemm bżonn jiġu indirizzati u dan kollu jsir mingħajr telf ta’ żmien. Dan kollu hu importanti sabiex meta jmorru fuq il-mejda tad-diskussjoni, kollox ikun ippreparat mingħajr il-bżonn li jintilef ħin sabiex jitqajmu ċerti punti. Peress li sa Diċembru fadal aktar minn disa’ xhur, l-MUT qed taħdem minn issa sabiex ċerti punti li qed jaffaċċjaw l-edukaturi fil-ħajja tal-lum jiġu indirizzati. Dan kollu qed iseħħ minħabba li f’dawn l-aħħar snin rajna tibdil kontinwu fl-edukazzjoni u għalhekk il-bżonnijiet tal-edukaturi żdiedu. Għal dan l-għan, l-unjin tal-għalliema Maltin qed tikkonsulta ma’ dawk kollha involuti sabiex tisma’ dak li għandhom xi jgħidu u jindirizzaw il-problemi u l-ħtiġijiet eżistenti.

Tlabna lil Marco Bonnici sabiex jgħaddi l-aħħar appell lill-edukaturi kollha li jagħmlu dan ix-xogħol nobbli fl-iskejjel fejn jaħdmu f’Malta u Għawdex.

“Ninsabu f’kampanja elettorali fejn wieħed qed jisma’ u jagħrbel sew dak li qed jipproponu ż-żewġ partiti. Hu mument ta’ riflessjoni sabiex wieħed jagħżel min qed joffri l-aqwa proposti. Bħala unjin għandna dik li bl-Ingliż insejħulha wish list fejn kollha nixtiequ li ċerti problemi u sfidi li qed jaffaċċjaw l-edukaturi jiġu meħuda bis-serjetà u eventwalment tittieħed azzjoni.”

“Aħna qed inħarsu lejn dan is-settur b’serjetà kbira meta tqis li għandna madwar 10,000 membru li jinkludu għalliema, kindergarten assistants, LSEs u lecturers tal-Università. Kulħadd skola għandna l-ħtiġijiet tagħha, xi wħud ikunu partikolari. Huwa għalhekk li qed nilqgħu l-proposti taż-żewġ partiti ewlenin sabiex l-edukazzjoni f’Malta verament tingħata l-attenzjoni li tixirqilha.”

“Ninsabu viċin ta’ ftehim kollettiv u qed naħdmu sabiex noħolqu l-aqwa pakkett possibbli għall-ġid tal-edukaturi kollha. Din hi xi ħaġa li qed nagħmlu wkoll ma’ istituzzjonijiet oħra fosthom l-MCAST u l-ITS.”

“Finalment ġaladarba tgħaddi l-elezzjoni ġenerali u jkun hemm il-kabinett il-ġdid, aħna se nkomplu naħdmu mal-ministru tal-edukazzjoni sabiex dan il-ftehim kollettiv il-ġdid ikun mirqum sew u jkollna l-aqwa pakkett possibbli”

Ekonomija

Sport