Il-festi fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin huma l-qofol tal-attivitajiet kulturali f’pajjiżna. Minbarra li joffru siltiet mill-istorja tal-poplu, huma wkoll sinjal tar-reliġjożità tal-Maltin, u karatteristika tas-sajf Malti.

Fl-isfond ta’ dan, Talk.mt ipprova jkollu ftit tal-ħjiel x’tinvolvi l-ħidma biex il-festi jiksbu s-suċċess li dejjem kisbu. Mhux biss f’dawk li huma attivitajiet interni u esterni imma wkoll f’oqsma oħra fosthom il-logħob tan-nar ikkulurit.
Fil-fatt, dan is-sit żar il-kamra tan-nar ta’ San Nikola fis-Siġġiewi fejn seta’ jara kif jinħadem ix-xogħol kollu bħal murtali u nar tal-art li tant huma popolari ma’ dawk li jħobbu l-festi. Hemmhekk tkellimna ma’ Brian Borg, waqt li kien qed jagħmel l-aħħar irtokki fit-tħejjija għall-jum tas-Sibt meta n-nar tal-art jibda jinħaraq.

Skont Borg, il-logħob tan-nar tal-art ta’ din is-sena se jkun wieħed li nibqgħu niftakruh u dan hekk kif l-Għaqda tan-Nar San Nikola mistenni li tniżżel isimha fost dawk magħrufin fil-Malta Records. Dan billi se tittanta li tikser diversi rekords nazzjonali.
Borg spjegalna li qegħdin jaħdmu fuq diversi effetti ġodda, li bla dubju se jpaxxu l-għajn ta’ dawk kollha preżenti. Huwa semma li se jkun hemm raddiena tal-ewwel xorta tagħha li se jkun fiha madwar 20,000 LED u anke tapit li jaqleb il-kuluri kollha tal-qawsalla.

Din is-sena, se jkun hemm ukoll raddiena li fiha mat-3,000 suffara u li se tkun sinkronizzata mal-mużika. “Din se tkun l-aktar waħda intunata li qatt għamilnielha daqshekk sfafar u se tkun waħda mill-Malta Records,” qal Borg.

“L-appell tiegħi huwa biex il-pubbliku ma jitlifx il-ħarqa li se jkollna lejlet il-festa ta’ San Nikola. Għandha tkun waħda memorabbli. Viva San Nikola, il-patrun tagħna li għalih nagħmlu dan ix-xogħol,” temm jgħidilna Brian Borg.
Sadanittant, l-istess raddiena tal-LEDs se terġa’ ssir waqt Festa Għeneb li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jorganizza f’Settembru li ġej. Aktar dettalji dwar din l-attività se jkun imħabbra mill-Kunsill fil-jiem li ġejjin.