Sunday, December 22, 2024

ARA: Rallies pro-demokratiċi fil-Brażil bħala reazzjoni għall-irvellijiet li saru fi Brasília

Aqra wkoll

Għexieren ta’ nies fil-Brażil ħadu sehem f’rallies favur id-demokrazija. Dan sar bħala rispons għar-rabja li tnisslet fil-poplu wara li l-partitarji tal-eks mexxej tal-pajjiż, Jair Bolsanaro, qabdu u daħlu għal għarrieda fil-Kungress

Ingħad li fil-belt ta’ São Paulo, li hi l-ikbar belt ta’ dan il-pajjiż, l-għajta tal-folla kienet waħda: dik li Bolsonaro għandu jintbagħat il-ħabs.

Bħalissa, madwar 1,500 persuna jinsabu arrestati wara li nhar il-Ħadd li għadda ħadu sehem fl-irvellijiet ta’ Brasília — il-kapitali tal-Brażil. Huma organizzaw dawn l-irvellijiet ġimgħa biss wara li Luiz Inácio Lula da Silva nħatar President tal-Brażil.

Ilbieraħ filgħaxija, il-mexxej il-ġdid ta’ 77 sena, magħruf bħala Lula, żar il-binjiet tal-Kungress li ġarrbu l-ħsarat minn dawn l-irvellijiet, il-Palazz Presidenzjali u l-Qorti Suprema flimkien mal-Gvern Brażiljan, fejn ikkundanna dawk li sejħilhom “atti terroristi” u wiegħed li l-imħuħ wara dawn l-irvellijiet se jingħataw il-kastig li jixirqilhom.

Bolsonaro, ta’ 67 sena, baqa’ m’aċċettax it-telfa elettorali u telaq lejn l-Istati Uniti qabel ma għadda l-poter lill-President elett. It-Tnejn li għadda, Bolsonaro, iddaħħal l-isptar fi Florida bi wġigħ fl-istonku.

Ekonomija

Sport