Sunday, April 28, 2024

L-użu responsabbli tal-kannabis … Il-liġi se tirregola t-tkabbir u t-tqassim minn NGOs

Aqra wkoll

Il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, li ħolqot awtorità għal dan il-għan, hija msejsa madwar il-kunċett tal-harm reduction policy.

L-ewwel parti tal-liġi li diġà ġiet fis-seħħ wasslet sabiex dawk li jagħmlu użu mill-kannabis ikunu jistgħu jkabbru l-kannabis f’darhom u b’hekk ma jirrikorrux għand it-traffikanti abbużi bir-riskju li jiksbu kwalità ta’ kannabis li hija detrimentali għas-saħħa.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, qal dan fi tweġiba li ta fil-Parlament. Qal ukoll illi l-liġi tillimita l-kwantità li tista’ tinżamm u titkabbar sabiex jiġi evitat użu eċċessiv jew abbuż.

Żied jgħid ukoll li fit-tieni parti tagħha, li se tiġi implimentata dalwaqt, il-liġi se tirregola t-tkabbir u t-tqassim ta’ kannabis minn assoċjazzjonijiet li jaħdmu mingħajr qligħ. Dan il-mudell se jagħti opportunità sabiex dawk li jużaw il-kannabis u li m’għandhomx il-faċilità li jkabbru l-kannabis f’darhom ikunu jistgħu jakkwistaw din is-sustanza b’mod kontrollat u li ma jkunx ta’ detriment għal saħħithom.

Ta’ min ifakkar li l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis wettqet kampanja edukattiva inkluż bl-użu ta’ midja soċjali li laħqet iżjed minn 200,000 persuna. Ġie ffirmat ukoll ftehim mal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) sabiex numru ta’ professjonisti jwettqu kampanji ta’ taħriġ u informazzjoni dwar riskji relatati mal-abbuż u l-użu ta’ drogi, inkluż il-kannabis.

L-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis qed tipprepara linji gwida u regolamenti li jridu jiġu segwiti mill-assoċjazzjonijiet interessati. Dawn il-linji gwida se jkunu lesti fi żmien qasir.

Sport