Ftehim li ġie ffirmat bejn ir-residenza San Vinċenz u d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali ser jissarraf f’servizz terapewtiku għall-anzjani residenti f’San Vinċenz kif ukoll għall-pubbliku.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.
Il-Ministru Abela spjega li f’San Vinċenz de Paul isiru diversi attivitajiet ta’ terapija bl-annimali fis-swali, u dan se jkompli jitwessa’ bl-introduzzjoni ta’ dan il-proġett ta’ Petting Farm Terapewtiku li jinsab fi stadju ta’ implimentazzjoni. Spjega kif dan se jkun post fejn ir-residenti ta’ San Vinċenz jistgħu jqattgħu ħin mal-għeżież tagħhom filwaqt li jingħataw din it-tip ta’ terapija li r-riċerka turi li tista’ tgħin biex jitnaqqas l-istress, l-ansjetà u d-dipressjoni. It-terapija tgħin ukoll persuni li għandhom id-dimensja. Il-Ministru Abela temm jgħid li permezz ta’ dan il-proġett b’investiment ta’ madwar €700,000 ser tkun qed tiġi imwettqa wegħda elettorali oħra favur il-kura tal-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, iddeskriviet dan il-proġett bħala opportunità oħra biex ir-residenti ta’ dan l-isptar, filwaqt li jingħataw kura medika, igawdu mill-beneficcji ta’ din it-tip ta’ terapija. Saħqet kif dan il-proġett jgħin fil-ħarsien ħolistiku tar-residenti tal-Isptar San Vinċenz, kif ukoll il-familjari kollha tagħhom. “Proġetti bħal dawn, flimkien mal-kura li tingħata fl-isptar, tkompli tassigura kwalità ta’ ħajja aqwa filwaqt li jkompli jiżdied l-għarfien fuq l-importanza tal-annimali fil-ħajja ta’ kuljum.”