Sunday, November 10, 2024

ARA: Reġa’ bdielhom wara ftehim bil-fomm ta’ €250,000 … talbu 6 darbiet iktar lill-gvern

Dr Michael Falzon, President tas-Soċjetà Filarmonika Stella Maris ta’ Tas-Sliema

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kontroversja ta’ bħalissa dwar il-każin tal-banda Stella Maris ta’ Tas-Sliema, tqanqlet fuq kemm għandu jkun il-kumpens lill-utilisti tal-każin biex is-soċjetà ta’ Stella Maris tibqa’ topera. Dan wara s-sentenza li tat il-Qorti ordnat li s-soċjetà għandha sat-23 ta’ Novembru biex toħroġ mill-binja tal-każin sakemm ma jintlaħaqx ftehim dwar il-bejgħ u x-xiri tal-istess proprjetà.

Is-sitwazzjoni jidher li hija kkumplikata aktar milli wieħed jaħseb wara li l-utilisti ċaħdu l-offerta mogħtija lilhom  mill-Gvern billi qed jitolbu sitt darbiet aktar minn dak li ġie offrut lilhom. Fil-fatt, l-offerta li saret mill-Gvern tammonta għal kwart ta’ miljun ewro, liema offerta ġiet rifjutata mill-istess utilisti.

YouTube video
Filmat: Alan Saliba

Il-President tas-Soċjetà Filarmonika Stella Maris ta’ Tas-Sliema, Dr Michael Falzon, wera l-istagħġib tiegħu li għal ċens li jagħlaq tliet snin u disa’ xhur oħra, l-utilisti għamlu talba eżaġerata li tlaħħaq il-€1.5 miljun. 

Huwa wera wkoll ir-rieda li din il-kwistjoni tintemm amikevolment fl-iqsar żmien possibbli. Qal minkejja li kien ittamat li l-ftehim deher li seta’ jintlaħaq madankollu l-utilisti issa reġa’ bdielhom.

“Nappella li din il-kwistjoni tissolva b’rieda tajba, b’kuntentizza taż-żewġ naħat. Inkunu raġjonevoli u jirbaħ is-sens komun u mhux ir-rgħiba. Id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin għalkemm is-sitwazzjoni ma tidhirx li hi waħda feliċi jew faċli,” qal Dr Falzon. “Wara kollox, il-Każin ta’ Stella Maris hi proprjetà skedata u allura ma jistax jiġi żviluppat u assolutament ma tagħmilx sens li teqred 108 sena ta’ tradizzjoni.” 

“Irridu nkunu raġjonevoli sabiex jerbaħ is-sens komun”

Michael Falzon

Dr Falzon radd ħajr lil dawk kollha f’din is-siegħa tal-prova urew l-appoġġ tagħhom lis-Soċjetà Filarmonika Stella Maris ta’ Tas-Sliema, fosthom l-Għaqda Każini tal-Banda u l-baned kollha ta’ Malta u Għawdex. 

Ta’ min ifakkar li l-offerta li l-Gvern għamel lill-utilisti tal-imsemmi każin hi parti minn skema li ħoloq apposta biex jiġu mwittija d-diffikultajiet li għandhom diversi każini mas-sidien tal-proprjetajiet rispettivi. Dan f’kuntest biex il-kultura u t-tradizzjonijiet tal-festi u l-baned Maltin jibqgħu protetti u ta’ servizz għat-tagħlim tal-mużika.

Sport