Sunday, November 24, 2024

ARA: Sidien ta’ negozji jistennew bejgħ aħjar issa li bdew is-sales

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Jannar huwa magħruf minn bosta bħala x-xahar tax-xiri. Dan għaliex normalment f’dawn iż-żminijiet ikun hemm numru sostanzjali ta’ ħwienet li jagħmlu xi skontijiet, u n-nies li għandhom għal qalbhom ix-xiri ma jaħsbuhiex darbtejn biex iduru erbat iħwienet u jżidu l-affarijiet għal mal-kollezzjoni.

YouTube video

Fis-sigħat ta’ dalgħodu, ġurnalisti minn dan is-sit żaru numru ta’ ħwienet fil-Belt fejn staqsew lill-ħaddiema/sidien tal-ħwienet kummerċjali dwar is-sitwazzjoni tal-bejgħ f’dan iż-żmien tas-sales. “Morna tajjeb ħafna… Kellna sena tajba u sale tajjeb,” saħaq sid ta’ ħanut taż-żraben, meta ġie mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-bejgħ f’dan iż-żmien. Huwa ma naqasx milli jirrimarka illi se jkompli jraħħas il-prezzijiet meta tidħol sew ix-xitwa, għaliex kif kien evidenti t-temp f’dawn l-aħħar jiem, in-nuqqas ta’ maltemp illimita x-xiri tal-ħwejjeġ tax-xitwa.

Intant, f’kummenti oħra li ġabar dan is-sit, lavrant ta’ ħanut spjega li l-ħwienet tal-ħwejjeġ fil-Belt jiddependu ħafna fuq it-turiżmu; “Jekk it-turiżmu jkun b’saħħtu, dan jirrifletti sew fil-bejgħ” għaliex fil-fehma tiegħu l-Maltin ma tantx għadhom jixtru ħwejjeġ mill-Belt. Saħansitra, meta kkumpara l-bejgħ tas-sajf ma’ dak tal-Milied osserva li fis-sajf is-suq kien iktar b’saħħtu.

Skontijiet fil-ħwienet tal-Belt

F’kumment li ngħatajna mingħand sid ta’ ħanut sostniet li l-bejgħ għal din is-sena ma laħaqx l-aspettattivi tas-soltu. Hija kompliet telabora li dan kien ikkawżat mill-impatt tal-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll minħabba li kumpaniji kbar f’dan l-istess settur jibdew bl-iskontijiet mill-għada tal-Milied.

Sport