Wednesday, December 25, 2024

ARA: Sindki Taljani bi kliem iebes kontra min qed jikser ir-regoli ta’ social distancing

Aqra wkoll

It-Taljani b’mod gradwali qed jirritornaw għan-normalità wara li ġew rilassati aktar miżuri tal-lockdown li ġiet imposta mill-Gvern bil-għan li tittaffa l-pandemija li ħalliet ħerba ta’ vittmi fil-pajjiż.

Bit-tneħħija gradwali tal-miżuri bars, kafetteriji u ristoranti reġgħu fetħu għall-ewwel darba f’aktar minn xahrejn.

F’postijiet bħal Milan – fir-reġjun l-aktar milqut tal-Lombardia – it-toroq reġgħu bdew jirritornaw għad-dehra normali tagħhom mimlijin nies.

YouTube video

Madankollu, filwaqt li huma biss minoranza, il-preżenza ta’ nies li mhumiex jirrispettaw ir-regoli ta’ social distancing jew l-ilbies ta’ maskri, qed tqanqal tħassib li dan jista’ jwassal għal mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet.

“Dan mhux iż-żmien li niċċelebraw jew li nagħmlu festini,” appella l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte.

Conte ma kienx l-unika wieħed li appella għar-responsabbiltà, b’diversi jkunu dawk is-sindki li jużaw kliem ferm aktar iebsin biex iwasslu l-messaġġ tagħhom.

Is-sindku ta’ Milan, Giuseppe Sala, fit-8 ta’ Mejju kien fost dawk li lmenta dwar in-nuqqas ta’ ħarsien ta’ social distancing, u qal li jinsab irrabjat ħafna għal ritratti ta’ mases ta’ nies jinġabru f’ċerti żoni ta’ Milan.

Nhar il-Ġimgħa li għadda, huwa reġa’ għamel l-appell tiegħu mill-ġdid biex in-nies tirrispetta r-regoli imposti mill-gvern, u saħansitra żied jgħid li talab lill-awtoritajiet biex jagħlqu dawk in-negozji li ma jimxux mal-miżuri mitlubin mill-gvern.

Is-sindku ta’ Bergamo – waħda mill-aktar bliet milqutin mill-pandemija tal-coronavirus – esprima l-istess tħassib permezz ta’ filmat li kien ippubblikat fuq Facebook nhar is-17 ta’ Mejju li għadda, u l-istess bħal Sala qal li jinsab irrabjat wara li qed jara diversi persuni li ma jilbsux protezzjoni tal-wiċċ.

Intant il-Gvernatur tar-reġjun ta’ Veneto, Luca Zaia, wissa li “hemm riskju reali li l-infezzjonijiet jerġgħu jiżdiedu” u hedded li jagħlaq il-bars, ir-ristoranti u l-bajjiet, u jpoġġi lir-reġjun sħiħ taħt lockdown mill-ġdid.

Intant matul tmiem il-ġimgħa aktar minn 1,000 pulizija niżlu fit-toroq tal-kapitali Ruma biex jagħmlu rondi f’żoni magħrufin għall-preżenza taż-żgħażagħ u jevitaw milli jinġabru mases ta’ nies.

Ekonomija

Sport