Saturday, October 26, 2024

ARA: “Sodisfatta li ksibt riżultat fi sport iddominat mill-irġiel”

Tirbaħ il-kampjonat B tal-autocross fit-tieni staġun tagħha fl-isport

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għalkemm ħafna drabi nitkellmu dwar ugwaljanzi u l-bżonn li l-mara tintegra iżjed f’setturi li għadhom iddominati mill-irġiel, sfortunatament minħabba ċertu stigma li għadha tkaxkar, ftit huma dawk li joħorġu mill-qoxra biex jirrealizzaw il-ħolm tagħhom.

Dan is-sit iltaqa’ ma’ Dorianne Galea, tfajla li minkejja kull ostaklu, ma qatgħetx qalbha milli tiġri wara l-ħolma li xi darba ssuq fl-autocross. Bdiet biex tgħidilna li kollox beda hi u ssegwi lill-għarus tagħha Karl li wkoll isuq fl-istess sport. Minkejja dan meta l-istess Dorianne esprimiet ix-xewqa li hi wkoll tarma karozza u tkun tista’ ssuq, ma kellhiex reazzjonijiet daqstant ta’ kuraġġ. Spjegatilna li kien hemm ħafna li qatgħulha qalbha għax hi mara u li l-isport mhux tajjeb għaliha u min jaf kemm xorti iżjed. 

“Fil-karozza ninsa kollox, niffoka biss fuq it-tellieqa”

Dorianne Galea

Madanakollu, kif qalet ma’ talk.mt, il-pedala tal-gass minn dejjem kienet togħġobha u l-kompetizzjoni xejn inqas. Infatti dik kienet ir-raġuni għaliex l-autocross u mhux kompetizzjonijiet oħrajn bħalma huma l-Hill Climb u t-tlielaq kontra l-ħin f’Ħal Far. 

Dorianne esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li minkejja li dan kien biss it-tieni kampjonat tagħha, irnexxielha tirbaħ Klassi B. Din il-klassi kienet iddominata minn Luca Camilleri, li wara li kellu xi ħsarat kellu jirtira mill-kompetizzjoni. Il-bqija tat-tlielaq kienu taqtigħa bejn Dorianne u Nicovich Chircop, iżda b’determinazzjoni t-tfajla kienet kapaċi tgħolli t-trofew.

Il-Kampjonat fih 12-il tellieqa, sitta jsiru l-Ħadd filwaqt li s-sitta l-oħra jsiru s-Sibt filgħaxija minħabba temperaturi għoljin li jafu jaħkmu f’pajjiżna. 

Tkellimna wkoll ma’ Karl, l-għarus ta’ Dorianne li qalilna li meta avviċinatu biex tgħidlu dwar il-ħolma tagħha kellu reazzjoni mħallta. Qalilna li bejn kien imħasseb għax kien jaf li ladarba kienet se tirkeb fil-karozza kienet se tinsa kollox u kien konxju dwar kemm kien importanti li Dorianne tibqa’ ffukata fuq l-istudju. Min-naħa l-oħra, kemm għax hu jipprattika l-isport u kif ukoll minħabba r-relazzjoni ta’ bejniethom, kien jaf li kellha l-kwalitajiet tajbin biex tikkompeti. Il-ftehim kien li ladarba tiggrawda, jibdew bl-armar tal-karozza u minnufih bit-taħriġ, anke minħabba li hemm sett ta’ regolamenti li jissalvagwardjaw lis-sewwieq u lill-avversarji tiegħu fit-trakka.

Din is-sena, Karl reġa’ kien viċin li jirbaħ it-titlu fi klassi A hekk kif sa mill-bidu nett kien hemm kompetizzjoni bejnu u bejn Terence Azzopardi. Minkejja dan kollu l-aħħar tlielaq Terence rnexxielu jiddomina u finalment kien hu li rebaħ it-titlu.

Dan is-sit iltaqa’ wkoll ma’ Rodrick Debono li għandu ferm iżjed esperjenza fl-isport. Barra minn hekk huwa involut b’mod iktar dirett fuq il-preparamenti tal-karozzi ta’ Żanu racing team li għandu madwar 11-il karozza fl-autocross. Huwa qalilna li l-isport fih esperjenzi għalkollox imħallta. Filli jkollok aptit tgħolli kollox u filli tiċċelebra. Il-ħsara fl-aħħar ħin hija l-akbar uġigħ ta’ ras u jaf ittelfek kampjonat. Barra minn hekk irridu nieħdu ħsieb saħħitna b’mod speċjali waqt it-taħriġ fejn dak li jkun forsi jirriskja ftit iktar. Fakkar dwar esperjenza partikolari ma’ Dorianne fejn waqt it-taħriġ spiċċat inqalbet u kellha ħsara konsiderevoli ftit sigħat qabel tellieqa. Filwaqt li l-ewwel inkwiet ikun dwar jekk is-sewwieq ikunx weġġa’, ix-xogħol jibda minnufih, kemm fuq il-body kif ukoll fuq ħsara oħra relatata iżjed ma’ machanical.

Sport