Il-poplu Malti huwa magħruf sew għall-ġenoriżità tiegħu, irrispettivament jekk hix għan-nies jew għall-annimali; hijiex għall-Maltin jew għall-barranin.
Matul is-sigħat tal-lum kienu bosta dawk li żaru l-istazzjonijiet tat-tifi tan-nar f’Ħal Far x-Xewkija fejn taw provvisti sabiex jintbagħtu lejn it-Turkija u s-Sirja bħala għajnuna wara t-terremoti li seħħew it-Tnejn li għadda. Dan wara li lbieraħ, il-Ministru Byron Camilleri waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari fil-Kamra tar-Rappreżentanti ħabbar li l-membri tal-Protezzjoni Ċivili se jkunu qed jiġbru dawn l-oġġetti bħala għajnuna materjali.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2023/02/hal-far-ghotjiet-ghat-turkija-2.png)
Ta’ min isemmi li bħala poplu Malti qed inkunu ta’ sostenn ukoll permezz ta’ għajnuna diretta f’wieħed mill-pajjiżi milquta biex ngħinu fit-tfittxija tan-nies li sfortunatament għadhom taħt it-tifrik li ġabu t-terremoti. Dan hekk kif ilbieraħ kontinġent b’saħħtu ta’ 32 persuna u kelb mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħallew xtutna sabiex jissieħbu f’ħidma kollaborattiva mal-membri tal-Protezzjoni Ċivili fit-Turkija.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2023/02/Xewkija-ghotjiet-sirja-u-turkija-2.jpg)
Għaldaqstant, dawk il-Maltin u Għawdxin li jixtiequ jgħinu f’din il-kawża ġusta huma mħeġġa sabiex jieħdu provvisti tal-ikel, ilbies li jsaħħan, gvieret, tined u materjal ieħor li jkun meħtieġ fiċ-ċirkustanza preżenti ta’ dawn il-pajjiżi, fl-istazzjonijiet tat-tifi tan-nar f’Ħal Far u x-Xewkija (Għawdex) bejn id-9:00 a.m. l-5:00 p.m., kuljum.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2023/02/xewkija-ghotjiet-sirja-u-turkija.jpg)