Friday, December 27, 2024

ARA: Tiċċelebra t-tielet Milied wara 22 sena ta’ tbatijiet biex ingħatat fwied

Tisħaq li d-donazzjonijiet f’dawn iż-żminijiet huma investiment għax il-mard ma jarax uċuħ

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wasalna lejn tmiem ta’ sena oħra, perjodu li normalment fih napprezzaw iżjed dak kollu li nkunu għaddejna minnu matul is-sena u nagħrblu ftit xi stajna nagħmlu aħjar biex tkun sena aħjar. Sfortunatament din mhix ir-realtà ta’ kulħadd. F’intervista ma’ dan is-sit Christine Schembri spjegatilna dwar kif wara 22 sena ta’ tbatija, qalb żmien li kienet irrassenjat ruħha li ma kellhiex wisq aktar ħajja. Għal dawk is-snin kollha hi u s-sieħeb tagħha spiċċaw jeżistu u mhux jgħixu filwaqt li kienu mħassbin kif setgħu jiġġieldu l-marda ta’ Christine.

YouTube video

Christine kienet tgħix ħajja normali bħal kulħadd sakemm ta’ 28 sena, minn testijiet komuni li għamlet, irriżulta li kellha kumplikazzjonijiet fil-fwied. Kellu jkun proprju perjodu ta’ tqala li jwassal biex il-mara tinduna li kellha problema. L-aħbar it-tajba hija li fortunatament, it-tarbija f’dik it-tqala twieled b’saħħtu u llum huwa wkoll ġuvni b’saħħtu.

Dak iż-żmien il-kura tas-saħħa kienet għadha ma għamlitx l-avvanzi tal-lum u għall-ewwel il-professur kien qiegħed isostni li l-kumplikazzjonijiet fil-fwied kienu ġejjin minn vizzju tal-alkoħol. Il-professur dak iż-żmien baqa’ jinsisti dwar dan u saħasitra kellha tkun Christine li tirrifjuta li tidħol programm tas-Sedqa, ovjament għax hi lanqas biss kienet tixrob. 

Wara xi xhur hija għaddiet taħt professur ieħor u minn iżjed testijiet irriżulta li kellha ‘Budd-Chiari Syndrome’ u ftit li xejn kellha x’tagħmel għajr li tistenna donatur. Il-proċedura mhix waħda faċli biex tniżżila. Sfortunatament minħabba li d-domanda għall-fwied hija kbira ħafna, tingħata prijorità lil dawk li jkunu f’sitwazzjoni gravi ħafna. L-intervent mhuwiex xi wieħed faċli. Meta persuna tagħżel li tkun donatur, hemm ċertu organi, bħalma huwa l-fwied, li ma jistax jiġi trasferit f’każi fejn il-persuna li tmut ikun ilha ċertu ħin li mietet. Barra minn hekk, għandek persuni oħrajn li minkejja li joffru l-organi, l-organi tagħhom ma jkunux tajbin biex jingħataw ħajja f’ħaddieħor minħabba l-ammont ta’ ħsara li tkun saritilhom.

Rigward dak iż-żmien, Christine qalitilna li għaliha l-Malta Community Chest Fund huma “qaddisin”. Spjegatilna li kellha tagħmel sentejn u xahar f’Londra. Mhux biss, magħha kellu jibqa’ wkoll is-sieħeb tagħha Lawrence Spiteri. Il-mara spjegat li mingħajr l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-fonadazzjoni, impossibbli biex tfaddal meta tkun marida. Dak iż-żmien li żviluppawlha l-kumplikazzjonijiet, kienet ppruvat tfittex xi xogħol. Kienet tipprova saħansitra ma ssemmix li kellha l-marda għax kienet taf li se ssib diffikultà, iżda meta kienet tintbagħat għat-testijiet mediċi kienu jgħidulha li se jibatu għaliha, iżda qatt ma jibatu. Dan wassal biex għal xi snin hija kellha saħansitra tiddependi mill-ftit għajnuna tal-benefiċċji u din xejn ma kienet tgħinna biex tasal titla Londra. Dak iż-żmien kien stmat li bejn wieħed u ieħor kellha bżonn madwar LM 29 kuljum biex titla għall-kura u hi damet aktar minn sentejn. Spjegat dwar kif meta fl-aħħar snin marret għall-operazzjoni u kellha konverżazzjonijiet ma’ pazjenti oħrajn li baqgħu skantati meta qalitilhom li f’pajjiżna għandna dan il-fond, li huwa ġej mill-ġenerożità tal-poplu kollu, li sena wara l-oħra jkompli jikber. 

“Kont preparajt il-bottijiet biex inqassamhom fil-ħwienet … bdejt nitlob li tal-inqas ma nitlax”

Christine Schembri

Tkellimna wkoll ma’ Lawrence Spiteri, li huwa s-sieħeb ta’ Christine. Lawrence baqa’ viċin tagħha f’kull stadju tal-marda tagħha u kif qalilna hu stess kien hemm żmien fejn minħabba l-pandemija, tant kienet gravi Christine li lanqas seta’ jagħrafha meta bdew juruhielu minn fuq il-mobile. Qalilna b’qalbu maqsuma dwar iż-żminijiet diffiċli li għaddew meta kien ikollhom litteralment jisirqu ftit minuti biex jaraw lil xulxin minħabba ċertu restrizzjonijiet u anke dwar kif kienet taqsamlu qalbu meta tgħidlu li kienu marru bl-ajruplan ħdejn xulxin imma lura hu kien se jkun f’parti oħra tal-istess ajruplan għax hi kienet irrassenjata li ma kinitx se tgħix. Huwa rringrazzja wkoll lil Puttinu li fl-aħħar tmien xhur għenuhom ukoll b’appartament f’Sutton. Huwa li jaħdem bħala infermier f’pajjiżna xtaq jappella għal iżjed apprezzament għall-kura f’pajjiżna. Sostna li hawn nuqqas, liema nuqqasijiet se jkomplu jiżdiedu anke minħabba żieda fil-popolazzjoni, iżda meta tikkumpara l-istennija fit-Taqsima tal-Emerġenza ma’ sptarijiet barra mill-pajjiż tifhem aħjar kemm għandna servizz tajjeb. “Illum il-ġurnata għax persuna tistenna xi sigħat l-Emerġenza malajr tmur tiġri fuq Facebook… tal-biża’ sirna. Dak iż-żmien jien stess bqajt skantat. Għamilna aktar minn 12-il siegħa fi sptar f’Londra, id-demm kien tbaxxielha għal sitta, kienet mgħawġa ganġ bl-uġigħ u kulma qalulhom kien li kellhom jistennew li jiġi xi professjonist tal-fwied”, tenna jgħid magħna. 

“Kont qtajt qalbi li se niġi lura ħajja … Għalija l-MCCF u Puttinu qaddisin!”

Christine Schembri

“Id-donazzjoni f’L-Istrina, hi kemm hi, hija investiment, għax ħadd u ħadd ma jemmen li jista’ jgħaddi minn dawk it-tbatijiet sakemm verament tirċievi l-aħbar… taħseb li jiġi bżonn kulħadd minbarra int”, kompliet tgħid Christine filwaqt li fakkret dwar il-ħafna każijiet ta’ persuni li qabel twaqqfu dawn il-fondi spiċċaw issalbu, bigħu l-proprjetajiet tagħhom u oħrajn li ma setgħux jaffordjaw jagħmlu dan il-pass għax lanqas biss kien ikollhom proprjetà tagħhom.

Ekonomija

Sport