Saturday, December 21, 2024

ARA: Waħda mill-akbar sfidi tibqa’ dwar kif se nbiddlu l-mod kif ngħixu minħabba t-tibdil fil-klima

Aqra wkoll

“Għad għandna diversi sfidi quddiemna u ċert li pajjiżna se jkun qed jgħaddi minnhom tajjeb jekk bħala poplu naħdmu bilgħaqal u ningħaqdu għall-ġid tal-familji tagħna.” 

Iddikjara dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo f’intervista li saritlu minn dan il-ġurnal fl-aħħar jiem b’rabta ma’ diversi temi attwali li qed jaffettwaw mhux biss lil pajjiżna iżda prattikament id-dinja kollha. Ħafna jsemmu l-pandemija tal-COVID-19 li ddominat iċ-ċentru ta’ diskussjoni kullimkien iżda wkoll l-isfidi li qed naffaċċjaw globalment fosthom it-tibdil fil-klima u l-gholi tal-hajja u l-kriżi li ġabet magħha l-istess pandemija.

YouTube video

Iżda jekk nitkellmu fuq pajjiżna, kif rah jinbidel il-Ministru Evarist Bartolo? 

“Nibda bi kwotazzjoni tant famuża li juża Herbert Ganado fil-kotba tiegħu. Rajt Malta tinbidel. Jien li llum il-ġurnata m’għadnix żgħir u għandi esperjenza twila fil-qasam politiku u soċjali, tassew rajt Malta tinbidel kemm għall-aħjar kif ukoll għall-agħar.” 

“Illum għandna sitwazzjoni ferm differenti minn dik ta’ ħafna snin ilu. B’xorti tajba, ħafna Maltin għandhom stil ta’ ħajja komda, naqas il-faqar minn 25% fl-2013 ghal 19% fl-2020 u hawn aktar opportunitajiet ta’ xogħol u fl-istess hin għandna l-inkwiet modern tas-saħħa mentali.” 

Bartolo qalilna li minkejja kollox, jixtieq jara aktar ġustizzja soċjali u aktar sbuħija matura, aktar kampanja jew inkella spazji miftuħa li jkunu naturali. Filwaqt li jkun hemm l-iżvilupp tant meħtieġ, hu importanti li fejn ngħixu jkollna wkoll dawk is-siġar, ħaxix u fjuri sabiex ħajjitna tkun aħjar.  

Saqsejna lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin dwar l-isfidi li għandu pajjiżna bħalissa. Hu kien skjett fir-risposta tiegħu.  

“L-isfidi li għandna aħna huma l-istess sfidi li għandhom ħafna pajjiżi oħra. Kull ma jiġri fid-dinja jaffettwana għax nixtru kollox minn barra. Bħalissa kulħadd isemmi l-pandemija tal-COVID-19 għalkemm sfidi oħra li qed jiżviluppaw huma l-prezzijiet eżaġerati tal-enerġija u l-għoli tal-ħħajja li dawn qed iġibu magħhom: l-ikel u bżonnijiet oħra.” 

“Nittamaw li pajjiżna jkompli bl-irkupru ekonomiku, inħallu din il-pandemija warajna u fuq kollox jerġa’ jibda jirpilja t-turiżmu li hu sors importanti ekonomiku għal Malta.” 

“Jekk inħares ftit iktar ‘il quddiem, nista’ ngħid li bħala pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, irridu naħsbu aktar dwar il-fenomenu tat-tibdil fil-klima. Il-kriżi fil-klima ġejja mit-tniġġis tal-enerġija li se jkollna nbiddlu il-mod kif se ngħixu u naħdmu. Se jkollna sfida biex nużaw enerġija ġdida nadifa għall-konsum, it-trasport u l-produzzjoni tagħna. 

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin immexxi minn Bartolo hu ferm importanti minħabba diversi fatturi. Hu spjegalna li minkejja dan it-titlu x-xogħol tal-Ministeru jolqot il-ħajja ta’ kuljum tal-poplu tagħna.  

“Ix-xogħol tal-ministeru mhux lil hinn mill-port. Fix-xhur tal-pandemija kienu importanti r-relazzjonijiet internazzjonali partikolarment meta ridna nġibu l-mediċina, vaċċini, maskri, ilbies protettiv u diversi affarijiet oħra. Dan ma kienx ikun possibbli kieku dan il-ministeru ma kienx jeżisti u ħadem mal-ministeru tas-saħħa u ministeri ohra. Ġibna lejn pajjiżna eluf ta’ Maltin maqbudin barra u ħadna lejn pajjiżhom eluf ta’ nies maqbudin hawn.”

Bartolo semma’ meta ġenituri jridu jaddottaw xi tifel jew tifla u kemm hu importanti l-intervent tal-ministeru f’dan ir-rigward. Hu sostna li r-rabtiet mal-bqija tad-dinja għandhom ikunu kontinwi u tajbin ghax f’kulma nixtru u nbigħu għandna bżonn pajjiżi oħra.  

Ma stajniex ma nsemmux mal-Ministru Bartolo t-tema tal-emigrazzjoni u l-Maltin li telqu minn pajjiżna snin ilu u li qed jgħixu f’artijiet oħra. “Nista’ ngħidlek li hawn Maltin mad-dinja kollha. Il-Maltin emigraw bit-tama li jsibu xogħol aħjar x’imkien ieħor ghax ma kienx hawn xoghol hawn u kien hawn miżerja kbira. Kien hemm oħrajn li saħansitra ilhom li emigraw aktar minn mitejn sena ilu. Inqis l-istorja tal-emigrazzjoni bħala storja tagħna lkoll.” 

Bartolo qal li ħafna emigranti lil pajjiżna tawh isem tajjeb barra minn xtutna u l-Maltin li marru jgħixu bilgħaqal u bil-bżulija f’dawn il-pajjiżi ffurmaw komunitajiet bejniethom sabiex jibqgħu jiltaqgħu u fuq kollox iżommu ħajjin ċerti tradizzjonijiet Maltin. Il-popli tagħna hu mogħni b’ħafna kwalitajiet sbieħ u aħna kapaċi nġorru dawn il-karatteristiċi barra minn Malta.  

YouTube video

Kif nafu Malta għandha pożizzjoni strateġika f’nofs il-baħar Mediterran. Ħafna jqisu l-gżejjer Maltin bħala li jistgħu jservu bhala l-pont ta’ paċi bejn il-ġirien fl-inħawi. Il-Ministru Bartolo jgħid li Malta għandha tista’ tagħti s-sehem umli tagħha fil-Mediterran u lil hinn minnu għax żgur m’għandna l-ebda interess jew saħħa nagħmlu ħsara lil ħaddiehor. “La għandna naħsbu li aħna ċ-ċentru tad-dinja u lanqas m’għandna narmu lilna nfusna li ma nistgħu nagħmlu xejn f’dinja ddominata minn pajjiżi kbar u armati.”

“Il-pożizzjoni tagħna tista’ sservi ta’ ġid u aħna qegħdin inkomplu nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna mhux biss mal-pajjiżi tan-naħa t’isfel tal-Mediterran u ma’ dawk li jinsabu fl-Afrika ta’ Fuq iżda wkoll nagħtu sehemna fl-għaqda li hemm bżonn bejn il-kontinent Ewropew u Afrikan li huma ġirien u għandhom bżonn lil xulxin. Terz tal-55 pajjiżi Afrikani biss huma bil-kunflitti u nistgħu naħdmu biex il-kontinent Afrikan nagħmluh kontinent ta’ opportunitajiet għalina. Diversi kumpaniji sejrin tajjeb ħafna f’għadd ta’ pajjiżi Afrikani.” 

Fl-Unjoni Ewropea “irridu nkunu attivi biex id-deċiżjonijiet li jittieħdu hemm jagħtu każ l-interessi u l-gid tal-poplu tagħna.” Stajna ninnutaw li l-Ministru Bartolo qed ikollu kuntatti tajbin ma’ diversi pajjiżi li jinsabu fil-Golf Għarbi. X’inhi r-raġuni ta’ dan? 

“Aħna bħala wieħed mill-iċken pajjiżi fid-dinja, bilfors irid ikollok relazzjonijiet b’saħħithom ma’ dawn it-tip ta’ pajjiżi li jinsabu fil-Golf Għarbi. Pajjiżi bħall-Oman, il-Kuwajt, il-Bahrain, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda kollha għandhom potenzjal partikolarment ir-riżorsi taż-żejt u tal-gass u hafna flus x’jinvestu.” 

“Kburi ngħid li fir-relazzjonijiet li qed ikolli ma’ diversi mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi, spikka r-rispett li huma għandhom lejn pajjiżna u l-opinjoni pożittiva li qed ikollhom dwarna. Dawn il-pajjiżi għandhom influwenza kbira mhux biss mal-bqija tal-Afrika iżda wkoll fid-dinja kollha.” 

YouTube video

Finalment tlabna lill-Ministru Evarist Bartolo sabiex jagħmel l-aħħar appell lill-poplu Malti u Għawdxi.  “Jien ngħid li għamilna progress kbir fil-livell tal-ħajja tagħna. Minkejja ċ-ċokon tagħna, aħna l-aktar gżejjer avvanzati fost it-3,000 gżira li hawn fil-Mediterran. Dan kollu seħħ minħabba l-għaqal kbir li kellhom dawk ta’ qabilna li dejjem raw kif jaħdmu għall-ġid tal-poplu tagħna.”

Ekonomija

Sport