Nhar it-Tlieta l-Assoċjazzjoni tal-Football Arġentina ospitat ċerimonja biex tħabbar formalment l-offerta tat-Tazza tad-Dinja tal-Amerika t’Isfel.
L-Arġentina, iċ-Ċilì, il-Paragwaj u l-Urugwaj ressqu uffiċjalment l-offerta konġunta tagħhom biex jospitaw it-Tazza tad-Dinja tal-2030 – 100 sena wara li sar it-tournament inawgurali f’Montevideo.
L-erba’ nazzjonijiet tal-Amerika t’Isfel sejħu biex it-Tazza tad-Dinja terġa’ lura ‘fejn twieled il-football’.
Huma se jikkompetu ma’ offerta konġunta minn Spanja u l-Portugall, u offerti possibbli mill-Marokk u l-Arabja Sawdija.
L-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku se jospitaw flimkien it-Tazza tad-Dinja tal-2026.
“It-Tazza tad-Dinja 2030 mhix biss Tazza tad-Dinja oħra, ħaqqha ċelebrazzjoni b’rikonoxximent għal 100 sena,” qal Alejandro Dominguez, president tal-Konfederazzjoni tal-Football tal-Amerika t’Isfel (CONMEBOL).
“Aħna konvinti li l-FIFA għandha l-obbligu li tonora l-memorja ta’ dawk li ġew qabilna u emmnu fil-kobor u għamlu l-ewwel Tazza tad-Dinja,” huwa żied jgħid.
Ir-rebbieħa darbtejn, l-Urugwaj, rebħu l-ewwel Tazza tad-Dinja bħala organizzaturi meta saret fil-kapitali tal-pajjiż, Montevideo, fl-1930.
L-Arġentina, l-organizzaturi tal-1978, ġew inkurunati champions tad-dinja għat-tielet darba fil-Qatar fl-2022. Iċ-Ċili qabel kienu ospitaw ukoll il-kompetizzjoni fl-1962.
Il-president tal-Assoċjazzjoni tal-Football Arġentina (AFA), Claudio Tapia, qal: “Bħala champions tad-dinja, qed inwettqu din it-tnedija, li hija l-ħolma tal-Amerikani t’Isfel kollha – mhux biss f’għeluq il-100 sena tal-ewwel edizzjoni, iżda minħabba l-passjoni li ngħixu biha, il-football.”
Il-president tal-Arġentina, Alberto Fernandez, qal ukoll fuq Twitter li l-Bolivja, pajjiż ġar, se jintalbu biex jingħaqdu ma’ “din il-ħolma”.