Friday, May 3, 2024

Serie A: Juventus jirreġistraw rebħa komda

Aqra wkoll

Dusan Vlahovic temm in-nixfa tiegħu ta’ bla goals ta’ erba’ xhur meta skorja doppjetta għal Juventus u ta l-assist lil Filip Kostic, biex aċċerta r-rebħa kontra Salernitana meta kienu qed jilagħbu barra minn darhom.

Il-Bianconeri kienu biss żewġ punti vantaġġ fuq l-avversarji tagħhom qabel il-logħba, wara l-penalita’ ta’ 15-il punt talli nefħu artifiċjalment il-miżati tat-trasferimenti, u għalhekk il-coach Massimiliano Allegri wissa li ma jqisx dan bħala dwell tar-relegazzjoni.

L-ewwel logħba bejn iż-żewġ timijiet f’Settembru li għadda, intemmet fi draw ta’ 2-2 wara li Salernitana kienu 2-0 minn fuq u Juventus raw goal rebbieħ fl-aħħar jiġi annullat għal offside b’mod kontroversjali.

Vlahovic fetaħ l-iskor minn penalty fis-26 minuta u mal-45 minuta ta l-assist li sieħbu Kostic biex jirdoppja. Il-Juventini aċċertaw ir-rebħa bit-tieni goal ta’ Vlahovic fis-47 minuta.

Issa Juventus jinsabu fl-10 post, 13-il punt wara Lazio li jinsabu fir-raba’ u l-aħħar post għall-kwalifikazzjoni għaċ-Champions League.

Sport