Thursday, December 26, 2024

Argument fuq l-użu tal-maskra jwassal għall-arrest invalidu ta’ raġel Ingliż

Aqra wkoll

Il-Qorti semgħet kif is-Surġent tal-Pulizija “qatt ma ddikjara lill-akkużat li kien qiegħed jiġi arrestat, u r-raġuni għalfejn seħħ dan”

Il-Qorti ordnat il-ħelsien mill-arrest ta’ Nicholas John Brazier, raġel Ingliż ta’ 35 sena residenti iż-Żurrieq, wara li qieset l-arrest tiegħu minn membru tal-Korp tal-Pulizija bħala wieħed mhix konvalidat u konformi mal-liġi, filwaqt li kkritikat lill-istess Pulizija talli ma nfurmatx lill-avukat difensur fil-ħin fuq meta kellu jiġi mressaq.

Il-Maġistrat semgħet kif l-akkużat, flimkien ma’ martu, kienu għaddejjin minn ħdejn il-Knisja taż-Żurrieq fejn raw raġel terz mhix identifikat, jimxi fil-pubbliku mingħajr maskra kif stipulat fl-aħħar regolamenti. Brazier mar fuq Surġent tal-Pulizija jilmenta fuq dan.

Kien hawnhekk li nqala’ argument għal xi raġuni bejn l-akkużat u l-imsemmi surġent, li wassal biex Brazier jiġi arrestat mil-Pulizija, u mressaq il-Qorti fuq akkuża ta’ theddid ta’ vjolenza, kif ukoll in-nuqqas ta’ ubbidjenza għal ordni, minn uffiċjali pubbliku.

Il-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit, li kien qiegħed jidher għall-akkużat, saħaq kif l-arrest tiegħu mis-Surġent ma kienx wieħed legali: “L-akkużat ripetutament saqsa lill-Pulizija fil-ħin tal-inċident jekk huwa kienx jinsab taħt arrest, u l-Pulizija fl-ebda ħin ma kkonferma dan. Hekk kif l-akkużat dar u kien ħa jmur lura fi triqtu, il-Pulizija mingħajr ebda avviż ħebb għalih, u arrestah mingħajr pre-avviż, u mingħajr ma qallu r-raġuni għalfejn kien qiegħed isir dan l-arrest.”

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qablet mal-verżjoni li ngħatat mid-difiża, u ordnat li l-akkużat jiġi lliberat immedjatament mill-arrest.

Il-każ ser ikompli jinstemax nhar it-Tlieta li ġej. L-Ispettur Janetta Grixti qegħda tmexxi l-każ.

Ekonomija

Sport