Thursday, December 26, 2024

Arman Soldin huwa l-15-il ġurnalist li nqatel waqt li kien qed jirrapporta dwar il-gwerra fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Ftit jiem biss wara li ġie ċċelebrat it-30 sena anniversarju mill-proklamazzjoni tal-Jum Dinji dwar il-Libertà tal-Istampa (World Press Freedom Day) mill-UNESCO, ġurnalist Franċiż ta’ 32 sena nqatel waqt li kien qed jirrapporta miż-żona tal-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna.

Il-ġurnalist maqtul, Arman Soldin, li kien jaħdem għall-aġenzija tal-aħbarijiet Agence France-Presse, miet nhar it-Tlieta wara li ntlaqat minn rokits qrib Chasiv Yar, eżatt fil-Punent ta’ Bakhmut.

Tim ta’ ġurnalisti ġie attakkat għall-ħabta tal-4:30 p.m. (ħin lokal) waqt li kien ma’ grupp ta’ suldati Ukreni. Il-President Franċiż Emmanuel Macron ta ġieħ lill-ħidma ta’ Soldin li kien fuq il-front line tal-gwerra.

Huwa kien parti mill-ewwel tim tal-AFP li mar l-Ukrajna wara l-invażjoni tar-Russja fi Frar tas-sena l-oħra u kien ilu jgħix hemm minn Settembru.

Soldin, li twieled fil-Bosnja, huwa l-15-il ġurnalist li nqatel waqt li kien qed jirrapporta dwar il-gwerra fl-Ukrajna minn Frar 2022, skont il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti. Mill-inqas żewġ ġurnalisti Franċiżi oħra, Pierre Zakrzewski u Frederic Leclerc-Imhoff, inqatlu waqt li kienu qed jirrappurtaw dwar il-gwerra fl-Ukrajna.

Għal diversi xhur, Bakhmut kien l-epiċentru tal-ġlied fil-Lvant tal-Ukrajna.

Ekonomija

Sport