Saturday, December 21, 2024

Armata Russa bi ftit distinzjoni bejn objettivi militari u ċivili

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Nhar il-Ħamis li għadda, fil-ħamsa neqsin għoxrin minuta ta’ filgħodu (ħin ta’ Moska), ġara dak li ħafna kienu ilhom jistennew. Il-Russja invadiet lill-Ukrajna. Mill-mod ta’ kif ir-Russja daħlet ġewwa l-Ukrajna minn diversi bnadi, kollox jindika li din sejra tkun invażjoni fuq skala kbira. 

Fil-ġranet ta’ qabel seħħet din l-invażjoni, l-Kremlin kien ghamel certu mossi li ftit hallew dubju li kienet sejra ssir din l-invażjoni tal-pajjiz gar tar-Russja, li fih jgħixu ftit aktar minn 44 miljun ruħ. Dan minkejja li l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, kien baqa’ sal-aħħar jgħid li l-manuvri militari li kienu qegħdin isiru fil-fruntieri ta’ bejn pajjiżu u r-Russja, kif ukoll f’dik ta’ bejn il-Belarussja u l-Ukrajna, bħala bluff min-naħa ta’ Putin.

Kif huwa mistenni, mal-bidu tal-attakk mill-armata Russa, beda jirrenja l-paniku madwar il-pajjiż kollu. L-ewwel sintomi tal-attakk kienu kjuwijiet twal ta’ nies jiġbdu l-flus mill-ATMs kif ukoll traffiku kbir ta’ nies jaħarbu mill-ibliet ewlenin, lejn il-kampanja. 

Il-preludju

Il-Kremlin beda jipprepara politikament għal dan l-attakk b’mod dirett jumejn qabel l-invażjoni. Dan sar permezz ta’ konferenza stampa minn Vladimir Putin fejn qal li r-Russja kellha l-bżonn li telimina n-‘Nażifikazzjoni’ tal-Ukrajna min-NATO. 

Naturalment din l-invenzjoni ta’ Putin kienet intiża sabiex Putin jirkeb fuq il-karru patrijottiku tar-Russi billi jfakkarhom fl-invażjoni tar-Russja mill-Ġermanja Nażista fit-Tieni Gwerra Dinjija. L-ironija hija li Putin qiegħed jiġi akkużat mill-Gvern Ukren li mexa fuq il-passi ta’ Adolph Hitler billi pprova jgħid li kien hemm atti ta’ aggressjoni kontra xi ċittadini li jitkellmu bir-Russi li jgħixu fil-Lvant tal-Ukrajna. Din l-akkuża tfakkar kif Hitler kien akkuża lill-gvern taċ-Ċekoslovakkja li kien qiegħed jikkalpesta lil xi residenti Ġermaniżi li kienu jgħixu fir-reġjun magħruf bħala s-Sudenteland bħala skuża sabiex l-armata tiegħu kienet invadietu. L-istess jista’ jingħad għall-akkuża li ħarġet mill-Kremlin li xi truppi Ukreni kienu daħlu f’territorju Russu. Wara dawn id-dikjarazzjonijiet t-truppi Russi daħlu fir-reġjuni Ukreni tad-Donetsk u Luhansk u ġew ddikjarati mill-Kremlin bħala żewġ repubbliki ‘indipendenti’.

Minkejja li l-President Ukren pprova jkellem lil Putin bħala l-aħħar tentattiv sabiex tiġi evitata l-gwerra, dan ġie kompletament injorat.

Il-kontroll tal-Ukrajna

Naturalment, l-armata Ukrena ftit għandha ċans li twaqqaf il-qawwa tal-armata Russa milli tinvadi l-Ukrajna kollha. 

Però, hemm ċertu dubji kemm ir-Russi sejrin ikunu kapaċi jissottomettu kompletament lill-poplu Ukren kemm-il darba ssir invażjoni totali. Dawn id-dubji ġejjin minn dak li għallmitna l-istorja riċenti rigward l-invażjoni tal-Afganistan u l-Iraq fil-bidu tas-snin elfejn mill-Istati Uniti. Minkejja li l-popolazzjoni ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi kienet ħafna iżgħar minn dik tal-Ukrajna, it-truppi barranin kellhom problemi kbar sabiex jikkontrollaw lir-ribelli ġewwa dawn il-pajjiżi. 

Però, din id-darba, il-qawwiet Russi għandhom il-vantaġġ li jafu l-lingwa u li ilhom is-snin jinfiltraw kull aspett tal-ħajja ġewwa l-Ukrajna b’nies leali lejn il-Kremlin. Fil-fatt, rapporti li dehru f’ġurnali internazzjonali qalu li r-Russja diġà għandha listi ta’ nies li jistgħu jintużaw minnha bħala alleati kif ukoll lista ohra ta’ nies li jistgħu jaqilgħu l-inkwiet lir-Russja. Fattur ieħor li jaf jgħin lir-Russi sabiex jikkontrollaw lill-Ukreni ġej mill-qilla tas-suldati Russi li mhumiex sejrin jiskruplaw jużaw tattiċi vjolenti kontra ċ-ċittadini.

Naturalment, kemm il-darba Putin jagħżel li jmur għall-invażjoni parzjali ta’ reġjuni fil-Lvant tal-pajjiż, kif ukoll tal-kapitali Kiev, li kif konna rajna f’artiklu ieħor għandha importanzi kulturali u reliġjużi għar-Russja, il-kontroll tal-artijiet okkupati jkun aktar faċli għaliex f’dan ix-xenarju l-popolazzjoni tonqos għal madwar 18-il miljun.

Il-Gwerra sejra tinfirex?

Ħafna analisti politiċi qegħdin jissuspettaw li l-iskop aħħari ta’ Putin huwa li jerġa’ jifforma verżjoni moderna tal-Unjoni Sovjetika. Dan minkejja li fid-diskors li huwa għamel jumejn qabel l-invażjoni, Putin tefa’ t-tort tal-inkwiet li skont huwa hemm fir-regjun, fuq il-Partit Komunista li kien imexxi l-Unjoni Sovjetika, għaliex dejjem skont Putin, il-mexxejja Komunisti ma kellhom qatt jaqsmu l-Imperu Russu f’ħafna repubbliki li wara t-tmiem tal-Gwerra l-Bierda, bħall-istess Ukrajna, ħadu l-indipendenza. Jekk dan ikun il-każ, allura Putin sejjer ikollu jinvadi wkoll pajjiżi membri tan-NATO bħall-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja. Naturalment, dan ikun ifisser gwerra man-NATO.

Il-possibilità li l-gwerra tkun limitata għall-Ukrajna biss, xorta ma teliminax eskalazzjoni wiesgħa tal-ġlied. Dan minħabba li teżisti l-possibilità li Putin ikun irid xi żoni minn pajjiżi oħra bħala pont sabiex jgħaqqad xi artijiet mar-Russja.

Traġedji Umani

Kif diġà semmejna aktar ‘il fuq, l-armata Russa hija magħrufa li ma tantx tagħmel distinzjoni bejn objettivi ċivili jew militari. Għalhekk, f’każ ta’ invażjoni totali tal-Ukrajna, il-vittmi mistennija jkunu ħafna. Barra minn hekk, huwa stmat li mistennija jkun hemm bejn tlieta u ħames miljun refuġjat kawża ta’ dan l-attakk. Il-Polonja qiegħda tgħid li qiegħda tistenna li sejrin jaqsmu l-fruntiera tagħha madwar miljun ċittadin Ukren sabiex ifittxu ażil fiha.

Dan kollu jikkonferma dikjarazzjoni mqanqla li għamel ftit tal-ħin wara l-invażjoni l-Ministru tal-Affarijiet Barranini Ukren, Dmytro Kuleda li “id-dinja teħtieġ li tirreaġixxi b’mod immedjat ghalhiex il-futur tal-Ewropa u tad-Dinja huwa mheddid minn Vladimir Putin”.

Ekonomija

Sport