Friday, October 25, 2024

Armel jixhed kif raġel taħt l-effett tal-kokaina qatel lil martu f’Malta

Aqra wkoll

Skont xhieda li ta fil-Qorti Nadil ben Soltana – armel – fi proċeduri li bdew kontra Wayne Buttigieg ta’ 43 sena mill-Mellieħa, qal li Rania Boughatta Tuneżina ta’ 30 sena li ttajret minn karozza u mietet, kienet f’Malta għall-aħħar jum tal-qamar tal-għasel.

Buttigieg wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ omiċidju involontarju, li saq b’mod perikoluż u traskurat, li saq taħt l-influwenza ta-xorb u d-drogi, saq b’veloċità qawwija u fid-direzzjoni l-ħażina u li għamel ħsara f’erba’ vetturi u f’ċint.

Il-vittma Rania Boughatta u żewġha Nadil ben Soltana kienu ġew f’pajjiżna għall-erbat ijiem biss.

Ix-xhud qal li dakinhar tal-aċċident, li kien seħħ il-Ħadd, 14 ta’ Novembru tal-2021, kienu qed iduru madwar Malta. L-aċċident seħħ fit-Telgħa tax-Xemxija għall-ħabta tat-8pm waqt li l-kopja kienu sejrin lura lejn l-appartament li kienu krew f’San Pawl il-Baħar.

Il-mara mietet mad-daqqa u anke spiċċat titajjar aktar minn 20 metru ‘l bogħod minn fejn kienet taħt bumper ta’ karozza.

Ben Soltana xehed li kien ipparkja l-karozza waqt li martu kienet qed idaħħal xi affarijiet fil-baskett, hu mexa lejn iż-żebra crossing li hemm fil-qrib. Meta kien qed jaqsam irrealizza li x-xufier ġej lejh b’veloċità qawwija. Qal li dak il-ħin ma kienx jaf fejn kienet martu. Xehed li waqaf biex ix-xufier jinduna li hemm xi ħadd jaqsam u x’ħin ħares lura jara lil martu taqsam.

Sostna li f’daqqa waħda semgħa ħoss kbir u ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel. Ben Soltana xehed li “x-xufier deher ma jagħmel xejn biex jevita l-inċident, saħansitra lanqas għafas il-brejkijiet”.

Fil-Qorti Ben Soltana qal li Buttigieg ma għamel xejn biex jevita l-aċċident u lanqas żamm il-brejkijiet. Qal li hu evita li jispiċċa mtajjar ukoll bi ftit ċentimetri.

Ix-xhud qal li ma jistax jgħid jekk Buttigieg l-ewwel tajjarx lil martu jew laqatx il-karozzi.

Xehed ukoll l-Ispettur George Vella, li qal li dakinhar tal-inċident kien inkarigat mid-Distrett tal-Qawra u li kien irċieva telefonata li seħħ inċident tat-traffiku. Vella qal li meta wasal fuq il-post l-pulizija kienu diġà ssiġġillaw ix-xena tal-aċċident. Hu qal li fit-triq kien hem diversi oġġetti tan-nisa fosthom handbag, xalla u partijiet tax-xagħar tan-nisa.

Xehed li r-raġel tal-vittma, l-akkużat u żewġt ibniet żgħar li kienu rekbin mal-akkużat kienu ttieħdu l-isptar.

Kompla jixhed li fl-interrogazzjoni, l-akkużat, Wayne Buttigieg, kien qal li ra raġel jaqsam u biex jevitaha kiser għan-naħa l-oħra tat-triq u sab lill-vittma. Qal li mit-testijiet tad-demm u tal-awrina ħareġ li Buttigieg kien taħt l-effett tax-xorb u tal-kokaina.

Għall-akkużat qed tidher l-Avukat Josette Sultana, filwaqt li l-Avukat Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru bħala parte civile f’isem ir-raġel tal-vittma. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Matthew Galea.

Sport