Monday, May 13, 2024

“Min mhux postu fuq barra hemm bżonn li jkun f’post fejn bih hemm iċ-ċittadin ikun protett”

Aqra wkoll

Hekk kif aktar kmieni Jeremie Camilleri ta’ 33 sena tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Kaya Pelin ta’ 30 sena, il-Maġistrat Joe Mifsud għadda xi kummenti b’rabta ma’ dan l-episodju ikrah.

Mifsud qal li l-Qorti jiddispjaċiha li għal darba oħra għandha każ quddiemha fejn kien hemm telf ta’ ħajja li l-Qorti dejjem emmnet li għandha tkun protetta mill-konċepiment sal-mewt.

Kompla biex jgħid li huwa dispjaċir tiegħu li għad hawn min ixerred il-kultura tal-mewt u jnaqqas l-effett li jħallu fost l-oħrajn sustanzi bħalma huma xorb alkoħoliku eċċessiv u kull tip ta’ droga.  Żied jgħid li llum qegħdin inbatu l-konsegwenzi ta’ dawk li għandhom leħen qawwi li jriduna nkunu normali u ninġarru mal-kurrent billi niċċelebraw bil-kokaina jew xi tipi ta’ sustanzi oħra. 

Huwa appella biex is-soċjetà ma tkunx indifferenti u tinħasad biss meta jkun hemm traġedja. Imma biex dan iseħħ hemm bżon li ma nkomplux inħallu lil min irid ixerred din il-kultura tal-mewt u l-qtil fostna u li jemmen li għadna m’aħniex tard biex insalvaw is-sitwazzjoni għaliex għandna forzi tal-ordni li jiddefenduna.  

Saħaq li hemm bżonn li min postu mhuwiex fuq barra fis-soċjetà, ikun fil-post fejn bih hemm iċ-ċittadin ikun protett, irrelevanti jekk hux fil-facilità ta’ Kordin jew f’post għall-kura għal problemi ta’ saħħa mentali kaġunati bl-abbuż mis-sustanzi jew ħwejjeg oħra. 

“Is-soċjeta’ dan li tixtieq, li l-istituzzjonijiet jagħtu widen lilhom u mhux lil min irid ixerred il-kultura tal-mewt u l-qtil minħabba ċertu lobbies li jeżistu f’pajjiżna li jagħmlu l-ħoss. Kemm hu ta’ sodifsfazzjon li f’pajjizna għandna forzi tal-ordni li jissagrifikaw ħajjithom biex jipproteġu lis-soċjeta’ u kultant jispiċċaw huwa kkritikati b’mod inġust u malin”, sostna Mifsud.

Sport