Il-coach Olandiż, Arne Slot, se jkun il-manager li jmiss ta’ Liverpool wara li ntlaħaq ftehim ta’ kumpens li jiswa sa £9.4m ma’ Feyenoord.
L-Olandiż jinsab lest biex ikun is-suċċessur ta’ Jurgen Klopp, li f’Jannar ħabbar li se jħalli Anfield fi tmiem dan l-istaġun.
Ir-Reds laħqu wkoll ftehim mal-coach ta’ 45 sena qabel jinħatar uffiċjalment.
Liverpool qablu wkoll li jħallsu lil Feyenoord £7.7 miljuni flimkien ma’ £1.7 miljuni f’bonuses.
Slot wassal lil Feyenoord għat-titlu tal-Eredivisie fl-2022-23, filwaqt li dan l-istaġun rebħu t-Tazza Olandiża u mistennija jispiċċaw fit-tieni pożizzjoni fil-kampjonat.
Huwa maħsub li l-istil offensiv ta’ Slot, il-personalità u l-kapaċità tiegħu li jiżviluppa l-players huma fatturi ewlenin biex għamluh l-għażla ewlenija ta’ Liverpool għal dan l-impjieg.
Fl-2021, Slot kien inħatar coach ta’ Feyenoord u kkonferma l-interess tiegħu li jaħdem fil-Premier League meta kien marbut ma’ Tottenham fl-2023, li iżda, kien irrifjuta minħabba li huwa sostna li ma kien għadu lest jaħdem fl-aqwa kampjonat fid-dinja.
Peró, huwa qal li Liverpool huma ħolma li saret realtá!