Saturday, May 4, 2024

Min se jirbaħ il-Kampjonat Malti … Hamrun Spartans jew Floriana?

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Illum hija l-aktar ġurnata importanti tal-BOV Kam­p­jonat Premier ta’ dan l-istaġun meta  f’konfront mill-aktar kruċjali, il-leaders Hamrun Spartans jaffrontaw lil Floriana li jinsabu fit-tieni post, b’punt wa­rajhom. 

Rebħa għall-Ħamruniżi tkun tfisser l-għaxar titlu fl-istorja tal-club iżda rebħa għal Floriana jew riżultat ta’ draw jkunu jfissru li kollox irid jiġi deċiż fl-aħħar ġurnata. 

L-attenzjoni tkun mixħuta wkoll fin-naħa t’isfel tal-klassifika li se tibqa’ inċerta sal-aħħar. 

Naxxar Lions, li huma prattikament salvi, jilagħbu kontra Valletta li jridu jirbħu ż-żewġ partiti li fadlilhom. 

Balzan jiltaqgħu kontra Mosta hekk kif jimmiraw għal rebħa minħabba li jistgħu jintlaħqu minn Valletta. 

Sta Lucia jiffaċċjaw lil Gzira United li bi draw jaċċertaw is-salvazzjoni u jħallu lil Luċjani f’periklu serju. 

Mill-bqija, it-tliet partiti l-oħra huma biss formalitá hekk kif Sliema Wanderers u Birkirkara jilagħbu kontra ż-żewġ timijiet diġá relegati, Gudja United u Sirens … filwaqt li Marsaxlokk, li prat­tikament huma assigurati mir-raba’ post jiltaqgħu kontra Hibernians. 

Floriana v Hamrun S. – Fl-aqwa partita ta’ dan l-istaġun li hija meqjusa finali għar-rebħ tat-titlu, Ham­run Spartans jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti … biex jibdew il-mixja trijonfali lejn Strada Rjali fejn hemmhekk jintlaħaq il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet. 

Peró, Floriana jippossjie­du team qawwi li kapaċi jqu­m għall-okkażjoni. 

Wieħed ma jridx jinsa li fl-ewwel round l-Ispartans kienu ħarġu rebbieħa b’goal waħdani skorja fl-94 minuta wara żball tal-goalkeeper Furjaniż, Georgi Kitanov, li inċidentalment illum se jkun l-uniku player sospiż minn dan il-konfront wara li, fit-telfa ta’ 1-0 kontra Mar­saxlokk, huwa dabbar karta safra inutli proprju lejn it-tmiem biex kienet ir-raba’ waħda tiegħu tal-istaġun. 

Filwaqt li Hamrun ġejjin minn rebħa komda ta’ 4-1 fuq Sta Lucia, il-Greens ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Marsaxlokk. 

Fil-veritá huma kienu kkundizzjonati minħabba li kellhom xejn inqas minn disa’ players, inkluż Kitanov, li kienu qed iġorru magħhom it-tielet karta saf­ra u għaldaqsant kienu kawti fid-daħliet tagħhom biex ma jiġux ammoniti. 

Min-naħa l-oħra, il-Ħamruniżi se jkunu msaħħa bir-ritorn minn sospensjoni ta’ Emerson Marcelina u Ro­ko Prsa. 

Wieħed jawgura li jkun x’ikun l-eżitu tagħha, jirrenja l-ispirtu sportiv. 

Naxxar L. v Valletta – Valletta jilagħbu kontra Naxxar Lions, li huma prattikament salvi, u xejn għajr minn reb­ħa ma tissodisfa l-kriterji tal-Beltin. 

Miż-żewġ logħbiet li fa­dal, Valletta jridu jiksbu punti massimi biex jibqgħu jittamaw għas-salvazzjoni fejn jistennew ukoll ir-riżultat ta’ timijiet oħra minħabba li ma jiddependix minnhom biss. 

Huma jkollhom lil Juan Bolanos Ramires lura minn sospensjoni filwaqt li Nax­xar għandhom lil Ryan Gilmour sospiż. 

Fl-ewwel round Valletta ħarġu rebbieħa 2-1. 

Balzan v Mosta – Wara t-telfa ta’ 1-0 kontra Valletta, Balzan jaffrontaw lil Mosta f’konfront kruċjali. 

Ħadd minnhom ma jaffordja jwaq­qa’ l-punti min­ħabba li Sta Lucia u Valletta jinsabu warajhom, lesti japprofittaw minn xi żelqa. 

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Andre Prates għal Balzan u Precious Linus Tenebe għal Mosta. 

Peró jirritornaw għalihom Ryo­hei Michibuchi u Bradley Farrugia minn sospensjoni.

Fl-ewwel round Balzan kienu għelbu lil Mosta 2-0.

Sta Lucia v Gzira U.– Dan huwa konfront dirett ieħor tan-naħa t’isfel tal-klassifika. 

Gzira United iridu punt wieħed biss biex jiġu dikjarati salvi minħabba li ma jkunux jistgħu jintlaħqu mill-istess Sta Lucia u Valletta. 

Iżda jekk il-Luċjani jo­ħorġu rebbieħa, is-sitwaz­zjo­ni tar-relegazzjoni tkompli tikkomplika ruħ­ha. 

Kull team għandu player sospiż – Thiago Espindola għal Gzira u Nicolas Virano Gonzalo għal Sta Lucia, li iżda, ikollhom lura lil Abraham Temitope Ojo lura minn sospensjoni.

Fl-ewwel round, il-Maroons għelbu lil-Luċjani 2-1. 

Hibernians v Marsaxlokk – F’partita oħra diretta għar-raba’ post, Hibernians jikkonfrontaw lil Marsa­xlokk li punt ikun biżżejjed għalihom biex jissiġillaw posthom filwaqt li jittamaw li Floriana jew Sliema Wanderers jirbħu l-FA Trophy li tkun tfisser post fil-UEFA Conference League. 

Huma ma jistgħux jinkludu lil Sunday Akinbule iżda jirritorna Samuel Cassar filwaqt li l-Pawlisti għandhom lil Robert Bai­ram sospiż.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew 1-1.

Gudja U. v Sliema W. – F’partita bla storja, Sliema Wanderers jilagħbu kontra t-team diġá relegat, Gudja United, li għadu qed ifittex l-ewwel rebħa.

Il-Gudjani se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiżi Matias Muchardi u Mirko Esposito … filwaqt li għall- Wanderers jirritorna Gustavo Alcino.

Fl-ewwel round, Sliema kienu rebħu 2-0.

Birkirkara v Sirens – Dan il-konfront huwa biss formalitá hekk kif Sirens huma diġá relegati filwaqt li Birkirkara, li rebħu l-logħba tal-ewwel round 2-1, m’għan­dhomx ċans għar-raba’ post. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport