Saturday, May 4, 2024

Premier League Ingliż: Jispikka d-derby ta’ Londra bejn Tottenham u Arsenal

Aqra wkoll

It-taqtiegħa għar-rebħ tal- Premier League Ingliż, li hija waħda ferm missielta bejn tliet timijiet, se tkompli fi tmiem din il-ġimgħa meta tintlagħab il-35 ġurnata jiġifieri baqa’ erba’ logħbiet għal kull team minbarra tmien logħbiet li kienu ġew posposti għal xi raġuni jew oħra.

Il-protagonisti huma Arsenal, Manchester City u Liverpool kif jinsabu fil-klassifika f’din l-ordni, li kollha għandhom konfronti delikati.

Il-leaders Arsenal, li ġejjin minn rebħa kbira 5-0 f’darhom kontra Chelsea, se jerġgħu jkunu nvoluti f’Derby ta’ Londra din id-darba kontra l-ġirien Tottenham barra minn darhom li min-naħa tagħhom qed jitħabtu biex jiksbu r-raba’ post ħalli fl-istaġun li ġej jkunu fiċ- Champions League.

Arsenal ġejjin minn erba’ rebħiet mill-aħħar sitt logħbiet bit-tnejn l-oħra jkunu draw u telfa waqt li mill-goals mhumiex neqsin għax s’issa huma l-aqwa skorers meta sabu x-xibka 82 darba waqt li d-differenza tal-goals hija ta’ +56, tmienja iktar mis-City. 

Iżda Tottenham kapaċi jwaqqfuhom jekk jilagħbu fl-altezza tagħhom bil-Ko­rean, Heung-min Son, jaf iwassalhom għar-rebħa kemm bil-goals kif ukoll bl-assists tiegħu.

Manchester City jidhru ngranati wkoll kif urew nhar il-Ħamis meta barra minn darhom għelbu lil Brighton 4-0, xi ħaġa li dawn rari ssibhom b’telfa kbira bħal din f’darhom.

U dan mingħajr ma kel­lhom lill-attakkant Erling Haaland jagħti s-sehem tiegħu għalkemm mhux darba u tnejn ġie miżmum tant li wieħed bilkemm jinduna li kien fil-ground.

Il-programm tal-lum jinfetaħ bil-logħba fil-London Stadium li fiha West Ham jospitaw lil Liverpool li ġejjin mit-telfa kontra Everton li kienet daqqa ta’ ħarta kbira għalihom. 

Ir-Reds se jiltaqgħu kontra team li wieħed ma jkunx jaf biex se joħroġ tant li kellu riżultati mħallta fejn anke mill-Ewropa League sfaw eliminati. 

Anke l-Hammers huma mħawda meta l-club għadu ma jafx jekk huwiex se jżomm lill-manager David Moyes lil hinn minn dan l-istaġun.

Aston Villa, li qed iżommu l-bandiera tal-Midlands tperper, jidhru li se jkollhom logħba li ma tistax tgħid fejn se tmur meta l-avversarji tagħ­hom huma Chelsea, team li jew joħroġ b’logħba stupenda jew inkella jiddiżappuntaw lill-partitarji tagħhom bil-każijiet riċenti jkunu kontra Everton rebħu 6-0 u kontra Arsenal tilfu 5-0 u dan f’temp ta’ tmint ijiem.

Wara li nhar l-Erbgħa Manchester United għelbu lit-team tal-qiegħ tal-klassifika, Sheffield United, illum se jerġgħu jkunu f’Old Trafford kontra Burnley li jinsabu qabel il-Blades u b’hekk it-team tal-manager Erik ten Hag għandu ċans ieħor li jersaq lejn ir-raba’ post u possibbilment anke lejn il-ħames jekk il-Premier Lea­gue jingħata post ieħor fiċ-Champions Lea­gue.

Iżda d-difiża mmexxija minn Harry Maguire hija suspettuża u qed issofri goals iktar milli mistenni bil-goalkeeper Andre Onana mhuwiex dak in-numru wieħed li xtaq il-club wara t-tluq tal-Ispanjol David De Gea.

Min-naħa ta’ Burnley hu­ma għadhom jittamaw li jiskappaw mir-relegazzjoni meta jinsabu tliet punti wara Nottingham Forest iżda d- differenza tal-goals hija kontrihom.

Wara t-telfa mhux mistennija kontra Crystal Palace, Newcastle se jilqgħu lil Sheffield United u jekk joħorġu rebbieħa dawn tal-aħħar jiġu relegati.

Il-Magpies m’għandhomx ċans jilħqu lil Aston Villa fir-raba’ post meta dawn jinsabu 16-il punt qabilhom u lanqas lil Tottenham li qed igawdu 10 punti fuqhom. Jekk Spurs jirbħu logħba u t-team ta’ Eddie Howe jitlef huma jkunu barra mill-Ewropa.

Wolves, li ġejjin minn sensiela bla rebħa ta’ sitt logħ­biet, se jilagħbu t-tielet logħba wara l-oħra f’Molineux u wara li l-ewwel tnejn kontra Arsenal u Bournemouth ma raddew l-ebda frott illum jittamaw li t-tielet waħda tkun fortunata meta l-avversarji huma Luton Town għalkemm dawn jistgħu jsalvaw milli jaqgħu wara staġun wieħed.

Everton se jerġgħu jkunu f’Goodison Park wara li nhar l-Erbgħa kisbu rebħa massiva kontra l-ġirien mill-istess belt, Liverpool, li kważi salvathom mill-inkwiet tar-relegazzjoni meta issa jinsabu tmien punti fuq iż-żona l- ħamra.

Huma se jilqgħu lil Brentford li rebħa jew telfa għal Luton tarahom isalvaw posthom mal-kbar għat-tielet sta­ġun wara l-ieħor.

Żewġ timijiet li diġá salvaw posthom mal-kbar huma Fulham u Crystal Palace biż-żewġ timijiet ta’ Londra se jiltaqgħu fi Craven Cottage f’logħba li tikkonċerna fejn jispiċċaw fil-klassifika ż- żewġ timijiet.

Bournemouth, friski mir- rebħa fuq Wolves, se jkunu fil-Vitality Stadium f’logħba bejn żewġ timijiet min-nofsinhar tal-pajjiż bl-avversarji tagħhom ikunu Brighton meta jinsabu fl-10 u fil-11-il postijiet rispettivament mif­rudin b’punt biss favur iċ-Cherries li peró lagħbu logħba inqas minnhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport