Qed isiru arranġamenti għall-ivvjaġġar għal votanti eliġibbli li joqogħdu barra mill-pajjiż biex ikunu jistgħu jivvotaw f’Malta fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss fis-26 ta’ Marzu 2022.
Għal dan l-għan, l-Air Malta se tipprovdi biljett bir-ritorn fuq servizzi skedati regolari tagħha b’noll ta €90 – inklużi t-taxxi u spejjeż oħrajn – għal persuni li huma eliġibbli li jivvotaw f’Malta fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. Il-bookings jistgħu jsiru fil-call centre tal-Air Malta fuq in-numru speċifiku (+356) 21418118. Iċ-ċentru se jkun miftuħ kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd mit-8.00 a.m. sad-9.00 p.m. mill-Ħamis 24 ta’ Frar 2022 fit-8.00 a.m.
L-ivvjaġġar lejn Malta hu possibbli mis-16 ta’ Marzu u s-26 ta’ Marzu 2022, u r-ritorn mis-26 u t-30 ta’ Marzu 2022 (dati inklużi). Dawk il-persuni li jagħżlu li jivvutaw kmieni fid-19 ta’ Marzu 2022 jistgħu jivvjaġġaw lejn Malta mis-16 sat-18 ta’ Marzu biex ikunu jistgħu japplikaw l-Uffiċċju Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar sa mhux aktar tard minn nofsinhar tat-18 ta’ Marzu 2022. Huma jistgħu jivvjaġġaw lura mid-19 ta’ Marzu 2022, iżda mhux aktar tard mit-30 ta’ Marzu 2022.
Dawn l-arranġamenti tal-ivvjaġġar huma disponibbli għal:
(a) votanti eliġibbli, inklużi dawk miżżewġa lil barranin, dawk li qed jistudjaw, li jaħdmu jew li għaddejjin minn trattament mediku barra mill-pajjiż; u
(b) dipendenti tal-persuni msemmija f’(a) hawn fuq.
Dawk il-persuni li tapplika għalihom din id-direttiva huma votanti li isimhom jidher fir-Reġistru Elettorali ppubblikat fi żmien ħamest ijiem mill-pubblikazzjoni tar-Writ tal-Elezzjoni Ġenerali.
Ħatra ta’ Assistenti Kummissjonarji Elettorali, Uffiċjali tal-Post tal-Votazzjoni u persuni għall-Għadd tal-Voti
Il-Kummissjoni Elettorali avżat li qiegħda tilqa’ applikazzjonijiet mingħand persuni eliġibbli sabiex iservu bħala Assistenti Kummissjonarji Elettorali, Uffiċjali tal-Post tal-Votazzjoni u persuni għall-Għadd tal-Voti fl-Elezzjonijiet Ġenerali, li se ssir nhar is-Sibt, 26 ta’ Marzu, 2022. Min japplika jrid ikun lest li jattendi sessjonijiet ta’ struzzjonijiet mill-Kummissjoni Elettorali.
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu online (electoral.gov.mt/applications) sas-Sibt 26 ta’ Frar sat-8.00 p.m.
Min irid jista’ jiġi fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti (Ex-Trade Fair Grounds) fin-Naxxar jew fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, sal-Ġimgħa 25 ta’ Frar, bejn it-3.00 p.m. u t-8.00 p.m. u nhar is-Sibt 26 ta’ Frar bejn it-8.00 a.m. u t-8.00 p.m. L-applikanti għandhom imorru personalment fil-Kumpless u jġibu magħhom il-Karta tal-Identità.
Sadanittant, il-Kummissjoni Elettorali avżat ukoll lill-votanti li huma rreġistrati Għawdex u jixtiequ li jiġbru d-dokument/i għall-votazzjoni tagħhom minn Malta u, viċe versa, minn votanti li huma rreġistrati Malta u jixtiequ li jiġbru d-dokument għall-votazzjoni tagħhom minn Għawdex li għandhom jagħmlu t-talba bil-miktub tagħhom malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard mis-6.00 p.m. tal-Ħamis, 24 ta’ Marzu, 2022.
Importanti ħafna li t-talba ssir fuq bażi personali jew permezz ta’ email fuq [email protected] jew permezz ta’ formola, liema formola tista’ tintbagħat jew b’mod personali jew permezz ta’ email.
Id-dokumenti f’Malta jinġabru mill-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u dawk f’Għawdex mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fir-Rabat, Għawdex. Id-dati tal-ġbir ikunu mill-21 sal-24 ta’ Marzu, 2022 u dan isir personali mill-votant billi juri l-karta tal-identità jew tar-residenza tiegħu.