Raġel Libjan ta’ 38 sena ġie arrestat b’rabta ma’ serq minn diversi kmamar f’lukanda f’San Pawl il-Baħar. Il-każ seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda.
Jirriżulta li żewġ persuni rrapportaw mal-Pulizija li kienu sabu l-kmamar tagħhom miftuħin u mqallbin. Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li kienu nsterqu diversi oġġetti personali.
B’rabta ma’ dan il-każ kienet infetħet inkjesta ordnata mill-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud.
Minn aktar investigazzjonijiet li saru l-Pulizija rnexxielha tidentifika l-allegat ħalliel. Huwa kien arrestat u qed jinżamm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum.