Illum wara nofsinhar ġie arrestat it-tielet suspettat allegatament involut fil-qtil doppju li seħħ f’Tas-Sliema nhar it-18 ta’ Awwissu, 2020.
Is-suspettat ta’ nazzjonalità barranija ġie arrestat f’lukanda f’Cadiz, fi Spanja, f’ħidma konġunta bejn il-Pulizija Maltija u dik Spanjola, permezz tas-sezzjonijiet rispettivi tal-Interpol.
Kif sar magħruf li s-suspettat telaq minn Malta nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Awwissu, il-Pulizija Maltija mill-ewwel bdiet il-proċeduri sabiex jinħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew u għamlet kuntatt mal-Pulizija Spanjola, sabiex la darba jinqabad, jiġi estradit lejn Malta.
Issa mistenni jibda l-proċess fil-Qrati Spanjoli sabiex is-suspettat jiġi estradit lejn Malta biex jitressaq il-Qorti akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.