Thursday, December 26, 2024

Arrestat wara li prova jaħrab spezzjonijiet fil-Marsa Ħamrun bypass

Mad-90 vettura mwaqqfa waqt spezzjonijiet

Aqra wkoll

L-Awtoritajiet tal-infurzar baqgħu għaddejjin bl-ispezzjonijiet tat-traffiku fit-toroq Maltin u Għawdxin. Matul il-lejl tal-Erbgħa, l-ispezzjonijiet tat-traffiku ssuktaw fil-Marsa Ħamrun bypass, u li kienu koordinati mill-Korp tal-Pulizija, flimkien ma’ Transport Malta, Jobs Plus u s-Servizzi tad-Detenzjoni. 

Il-biċċa l-kbira tal-vetturi spezzjonati rriżultaw li x-xufiera kienu qed josservaw ir-regolamenti tat-traffiku, u vetturi li huma skont l-istandards adegwati. Twaqqfu madwar 90 vettura, li minnhom irriżultaw kontravenzjonijiet marbuta ma’ vetturi bla pjanċi tar-reġistrazzjoni u b’liċenzji invalidi, oħrajn li kellhom ħsarat fil-vetturi li jagħmluhom ta’ periklu biex jinstaqu u li minnhom seba’ vetturi ġew irmunkati, bi tlieta oħra konfiskati għax ma kellhomx reġistrazzjoni Maltija, filwaqt li saru wkoll testijiet tan-nifs għal xufiera li jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol. 

Ma’ dawn tliet persuni kienu arrestati għax irriżulta li kienu qed jgħixu f’Malta b’mod irregolari. Xufier ieħor kien arrestat wara li prova jaħrab l-ispezzjonijiet, u rriżulta wkoll li ma kellux liċenzja tas-sewqan u polza ta’ assikurazzjoni, waqt li l-liċenzja tal-vettura ma kinitx imħallsa. 

Il-Pulizija jtennu s-sodisfazzjon tagħhom li jaraw li fit-toroq tagħna jibqa’ jkollna xufiera li jobdu r-regoli tat-traffiku, b’sens ċiviku tajjeb. Il-Korp tal-Pulizija jgħid ukoll li l-awtoritajiet tal-infurzar qed jingħaqdu b’mod kontinwu bil-għan li f’Malta u f’Għawdex jibqa’ jkun hawn toroq siguri. L-appell jibqa’ dejjem biex ikunu mħarsa r-regolamenti għax jekk kulħadd jieħu ħsieb xulxin, ikunu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa. 

Ekonomija

Sport