Saturday, May 4, 2024

DWAR  L-AIR MALTA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Għal min bħali jiftakar il-bidu tal-Air Malta u kif proġett li għall-ewwel snin tiegħu tmexxa f’kuraġġ u galbu kbar, it-tmiem tal-kumpanija – li kien ilu mistenni – jqanqal bilfors sentimenti qawwija ta’ dwejjaq. Mhux l-anqas għax kieku ttieħdu deċiżjonijiet aktar għaqlin matul is-snin, dat-tmiem seta’ ġie evitat. L-istorja tal-kumpanija tixbah sew lil dik tal-Malta Drydocks.

Żbalji saru, fosthom politiċi. Imma l-bidu tat-tmiem indaqq matul is-snin 90 tas-seklu l-ieħor b’deċiżjonijiet ta’ investiment għal kollox żgarrati. Ma għenx l-immaniġġjar tal-personnel, maqbud bejn kunsiderazzjonijiet klijentelisti u nuqqas ta’ tmexxija soda. Imbagħad f’ċirkostanzi ekonomiċi li kienu nbidlu bil-kbir fis-settur turistiku, fl-ewwel deċennju ta’ das-seklu, it-titjiriet low cost tħallew jinbdew f’Malta mingħajr ma ngħatat spinta ġdida lill-Air Malta. Fl-aħħar snin, marsusa fir-regoli tal-Unjoni Ewropea, il-kumpanija ngħatat skossi strateġiċi, uħud minnhom bla sens, li komplew jordmuha.

Dak li nbeda u nbena tajjeb ħafna fl-ewwel nofs ta’ ħajjitha, tħatt għal kollox fit-tieni nofs.

MINN “FUQ”

Xejn ma togħġobni l-attitudni ta’ min f’pożizzjoni ta’ responsabbiltà, minflok jieħu hu/hi d-deċiżjonijiet meħtieġa, j/tistenna li l-ewwel jaslu istruzzjonijiet minn “fuq”. Mhux dejjem dan isir minħabba għazz, daqskemm minn biża’ mill-ħtieġa li l-persuna li tkun ikollha tasal hi għal deċiżjoni. Għax filfatt imbagħad, quddiem xogħol twil u tqil li ma jinvolvix deċiżjoni, lill-istess persuna taraha taħdem fit-tul, bla waqfien u b’diliġenza.

Il-problema tinqala’ fis-settur publiku imma mhux biss.

Madankollu, fil-kultura tagħna, jista’ jkun ukoll li minn “fuq” ftit tinstab ħajra biex id-deċiżjonijiet jitħallew jittieħdu minn “isfel”. Hu minnu li d-delegazzjoni ta’ dmirijiet u ħidmiet mhix dejjem hi daqstant popolari fost il-mexxejja tal-organizzazzjonijiet Maltin.

IŻRAEL U L-PALESTINA

L-aħħar żviluppi atroċi fit-traġedja ta’ bejn Iżrael  u l-Palestina x’aktarx ħafna li mhumiex se jkunu l-aħħar f’din l-istorja mwiegħra li donnha bla tmiem. Qed iseħħu ħruxijiet u imwiet imdemmija li se jipprovokaw warajhom oħrajn bħalhom. 

Skont il-fehmiet ta’ wieħed jew l-ieħor, il-kundanni ta’ naħa jew oħra mhumiex se jonqsu. Fatti se jitqgħawġu bi propaganda u b’invokazzjonijiet reliġjużi, bħallikieku l-fatti nfushom mhumiex waħidhom diġà kumplessi u jaħarqu biżżejjed.

Kif naraha jien, sakemm il-poplu Palestinjan mhux se jingħata ftuħ għal mod ta’ għajxien li hu jħossu ġust u li jkun ġust, is-sigurtà ta’ Iżrael qatt ma tista’ tiġi garantita. Kien żball kbir li matul is-snin, twarrab l-għan biex tinsab soluzzjoni għall-kriżi dejjiema bil-ħolqien ta’ “żewġ” stati fil-Palestina. Li soluzzjoni tiata’ tinstab sempliċiment billi Iżrael ikollu relazzjonijiet diplomatiċi ta’ ħbiberija ma’ pajjiżi Għarab oħra naraha illużjoni.

Sport