Friday, November 22, 2024

Arrestat wieħed mill-ogħla uffiċjali tal-pulizija fi Spanja wara li nstabulu €20 miljun fid-dar tiegħu

Aqra wkoll

L-awtoritajiet Spanjoli arrestaw wieħed mill-ogħla uffiċjali tal-pulizija fi Spanja wara li nstabu €20 miljun moħbija fil-ħitan tar-residenza tiegħu bħala parti minn investigazzjoni dwar dik li qed tkun meqjusa l-akbar qabda tal-kokaina fil-pajjiż.

Sa ftit tal-ġimgħat ilu, Óscar Sánchez Gil kien qed jokkupa l-kariga ta’ Kap tat-Taqsima tad-Diviżjoni kontra l-Frodi u Ħasil ta’ Flus fil-Korp tal-Pulizija ta’ Madrid. 

Il-midja internazzjonali kkwotat sorsi fi ħdan il-Korp, li jgħidu li r-raġel kien arrestat il-ġimgħa l-oħra flimkien ma’ 15-il persuna oħra fosthom is-sieħba tiegħu li hija wkoll uffiċjal tal-pulizija fir-reġjun ta’ Madrid. 

Waqt ir-rejd, il-pulizija sabet mal-€20 miljun fi flus kontanti, moħbija fil-ħitan u s-soqfa tar-residenza tal-koppja f’Alcalá de Henares. Jidher li l-uffiċjali sabu wkoll madwar €1 miljun fl-uffiċċju tiegħu, li kienu moħbija f’għamara li kienet imsakkra.

Meta l-ġimgħa l-oħra tressqu fil-Qorti ta’ Madrid, il-koppja ġiet akkużata b’diversi akkużi fosthom traffikar ta’ droga, ħasil ta’ flus, korruzzjoni u li allegatament kienu parti minn organizzazzjoni kriminali.

Il-midja Spanjola qalet li l-arresti kienu relatati mal-qbid ta’ 13-il tunnellata ta’ kokaina x-xahar li għadda, li kienu waslu fil-port tan-Nofsinhar ta’ Algeciras mill-akbar belt tal-Ekwador Guayaquil, moħbija fost kaxex tal-banana.

Il-Pulizija qalet li din kienet l-akbar qabda ta’ droga ta’ kokaina li qatt saret fi Spanja u waħda mill-akbar li qatt saret fid-dinja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport