Monday, December 9, 2024

Il-Presidenza Maltija tal-OSCE żżur il-Montenegro u l-Maċedonja ta’ Fuq

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, kif ukoll Chairperson tal-OSCE, Ian Borg, kompla bil-vjaġġ tiegħu fix-Xlokk tal-Ewropa nhar it-Tlieta, b’waqfiet fil-Montenegro u fil-Maċedonja ta’ Fuq, fejn iltaqa’ ma’ mexxejja ewlenin u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Il-Presidenza Maltija tal-2024 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) żaret il-Bosnja u Ħerzegovina aktar kmieni din il-ġimgħa u se ttemm dan il-vjaġġ ta’ erbat ijiem b’għadd ta’ laqgħat fl-Albanija matul il-jum tal-Erbgħa.

It-Tlieta filgħodu, f’Podgorica, id-Deputat Prim Ministru Borg kellu laqgħa mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Montenegro Ervin Ibrahimović, fejn iddiskutew l-inizjattivi kontinwi tal-pajjiż b’kollaborazzjoni mal-OSCE.

“Il-Montenegro qiegħed javvanza lejn il-kisba ta’ riformi ewlenin, minn tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi sa tisħiħ tas-saltna tad-dritt,” qal iċ-Chairperson tal-OSCE, filwaqt li żied jgħid li “l-OSCE lesta li tkompli tgħinkom f’kull pass tal-vjaġġ tagħkom.”

Id-delegazzjoni Maltija tal-OSCE kellha wkoll diskussjonijiet ma’ rappreżentanti tal-ġurnalisti, fejn enfasizzat l-isforzi kontinwi tal-Organizzazzjoni biex tippromwovi l-libertà tal-midja u s-sikurezza tal-ġurnalisti. F’dan il-kuntest, il-Ministru Borg ikkundanna l-attakk tal-Ħadd filgħaxija fuq ġurnalist lokali, u faħħar lill-awtoritajiet tal-Montenegro talli minnufih ikkundannaw din il-vjolenza.

Waranofsinhar, fil-kapitali tal-Maċedonja ta’ Fuq, Skopje, il-Ministru Borg iltaqa’ mal-Prim Ministru Hristijan Mickoski, mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Timcho Mucunski, u mal-President tal-Assemblea Afrim Gashi. Iċ-Chairperson tal-OSCE rringrazzja lill-Maċedonja ta’ Fuq għall-kontribut attiv tagħha fl-OSCE permezz tal-Presidenza tagħha fl-2023, qabel ma għaddiet it-tmexxija lil Malta sena ilu.

F’kummenti għall-midja, Borg irrifletta fuq diversi sfidi, fosthom il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. “Din il-gwerra wriet il-fraġilità tal-paċi fl-Ewropa u żvelat tendenza usa’ li jheddu l-istabbiltà tas-sistema multilaterali tagħna. Madankollu, l-OSCE tinsab f’pożizzjoni tajba sabiex isservi bħala pont qalb sitwazzjoni li tista’ tgħid tinbidel b’mod imprevedibbli, u l-Presidenza Maltija qed tiffoka biex tiżgura li din l-Organizzazzjoni tibqa’ funzjonali u ta’ impatt f’dawk il-mumenti l-aktar li jkun meħtieġ,” qal il-Ministru Borg.

Fi Skopje, id-Deputat Prim Ministru Malti ngħaqad ukoll mal-Ministru Mucunski u maċ-Chairperson tal-2025, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Finlandja Elina Valtonen, għal laqgħa importanti tat-Trojka tal-OSCE, qabel il-Kunsill Ministerjali tax-xahar id-dieħel li se jsir f’Malta, li se jlaqqa’ flimkien il-ministri għall-affarijiet barranin tas-57 stat parteċipanti tal-Organizzazzjoni.

“Il-Kunsill Ministerjali f’Malta se jkun opportunità biex naħdmu flimkien lejn futur ta’ reżiljenza, sigurtà u prosperità,” afferma l-Ministru Borg.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport