Wednesday, April 24, 2024

Arrestata persuna oħra b’rabta ma’ serqa fuq anzjana fl-Imsida

Aqra wkoll

Solvuti erba’ każijiet oħra ta’ serq simili

Fl-aħħar sigħat il-Pulizija arrestat it-tieni persuna li allegatament kienet involuta f’serq minn residenza ta’ anzjana fl-Imsida fis-7 ta’ April li għadda. Din it-tieni persuna hija mara ta’ 44 sena. Aktar qabel il-Pulizija rnexxielha tarresta u tressaq il-Qorti mara ta’ 45 sena.

 L-investigazzjonijiet tal-Pulizija  dwar dan il-każ wasslu għal żviluppi ġodda, u ġew solvuti erba’ każijiet oħra ta’ serqiet simili. Żewġ serqiet f’Birkirkara; waħda fuq anzjana ta’ 81 sena u oħra fuq anzjana ta’ 92 sena, serqa f’Santa Venera fuq anzjan ta’ 77 sena u serqa oħra fl-Imsida fuq anzjana ta’ 82 sena.  Jidher li l-pulizija qed tagħmel konnessjoni bejn dawn is-serqiet u qed ikun allegat li dawn l-erba’ serqiet twettqu mill-istess żewg persuni. 

Illum għall-ħabta tal-10:30a.m,  iż-żewg nisa se jkunu qed jitressqu l- Qorti quddiem il-Maġistrat Dr Neville Camilleri akkużati bis-serqiet li saru f’Birkirkara, Santa Venera u fl-Imsida. Il-mara ta’ 44 sena se tkun akkużata wkoll bis-serqa fuq l-anzjana ta’ 79 sena fl-Imsida.

Il-Pulizija temmet tappella lill-persuni vulnerabbli biex ma jiftħu lil ħadd u ma jdaħħlu lil ħadd fid-dar jekk ma jkunux qed jistennew lil xi ħadd li jafu li se jmur għandhom. Jekk ikollhom suspett, iċemplu mill-ewwel lill-Pulizija fuq in-numru 112. 

Sport