Matul il-jum tat-Tnejn, diversi sezzjonijiet tal-Pulizija ngħaqdu flimkien biex iwettqu spezzjonijiet madwar Għawdex biex jiġi kkontrollati l-persuni li jgħixu illegalment fil-gżira.
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lil dan il-ġurnal li b’kollox ġew arrestati madwar 30 persuna, li kollha kienu bla dokumenti u għalhekk kienu qed jgħixu f’pajjiżna b’mod illegali.
Huma nstabu fir-Rabat Għawdex, fix-Xlendi, f’Ta’ Sannat u l-akbar ammont instabu f’Marsalforn. Il-persuni arrestati huma mill-Ghana, Niġerja, Somalja, Libja u l-Albanija.
Din l-operazzjoni tmexxiet mid-Dipartiment tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni, mill-Pulizija tad-Distrett f’Għawdex, kif ukoll minn uffiċjali taċ-Ċentri tad-Detenzjoni.
