Monday, May 13, 2024

Arresti b’rabta ma’ ksur ta’ sanzzjonijiet tal-UE fuq il-Libja

Aqra wkoll

Investigazzjonijiet twal u intensivi mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra t-Terroriżmu, wasslu għall-arrest ta’ numru ta’ Maltin li allegatament kissru is-sanzzjonijiet li hemm imposti fuq il-Libja mill-Unjoni Ewropea.

L-investigazzjonijiet bdew wara li l-Pulizija Maltija kellha informazzjoni li kumpanija reġistrata Malta, allegatament, esportat żewġ opri tal-baħar lejn il-Libja mingħajr l- awtoriżżazzjoni tal-awtoritajiet Maltin. Mill-istħarriġ li sar irriżulta li dan seħħ qrib Ġunju tas-sena l-oħra, wara li sar kuntratt kummerċjali bejn kumpanija Maltija u kumpanija oħra fl-Emirati Għarab Magħquda. Il-kumpanija Maltija bagħtet l-imsemmija opri lejn il-Libja biex jintużaw għall-evakwazzjoni f’każ ta’ emerġenza fil-Libja tal-ħaddiema tal-kumpanija tal-Emirati Għarab Magħquda.

Is-Supretendent George Cremona, responsabbli mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra t- Terroriżmu qal li “f’dan il-każ partikolari, l-investigazzjoni prinċipali kienet fuq il-ksur ta’ sanzzjonijiet fuq il-Libja, però b’enfasi speċifika fuq possibilment ħasil ta’ flus. Għaldaqstant qabel ma bdew il-proċeduri tal-Qorti, intalbet dik li tissejjah ‘attachment order’ li ġiet approvata millQorti Kriminali.”

Il-Ġimgħa wara nofsinhar, is-Supretendent George Cremona u l-Ispettur Omar Zammit mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra t-Terroriżmu ressqu l-Qorti ħamest irġiel Maltin, sid ta’ kumpanija ta’ vapuri ta’ 41 sena residenti l-Mellieħa u erba’ impjegati tal-istess kumpanija : żewġt irġiel ta’ 63 sena u 45 sena residenti l-Mellieħa, raġel ta’ 47 sena residenti l-Floriana, u ieħor ta’ 44 sena residenti San Pawl il-Baħar, kif ukol inħarġu akkużi fil-konfront tal-istess kumpanija

Huma kienu akkużati li bħala cittadini Maltin u tal-Unjoni Ewropeja u bħala kumpanija reġistrata f’Malta rispettivament, mingħajr awtoriżżazzjoni, biegħu, trasferew jew esportaw, b’mod dirett jew indirett, żewġ opri tal-baħar tal-għamla ‘RHIBS’ reġistrati Malta. Dan bi ksur tal-Artikolu 2a (1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fil-Libja.

Is-Supretendent George Cremona qal li “t-talba tal-iffriżar tal-assi kemm fuq il-persuni kif wkoll fuq il-kumpanija intlaqgħet waqt li linvestigazzjonijiet għadom għaddejin. Fl-istess proċeduri ser jsiru wkoll dawk li jissejhu Ittri Rogatorji sabiex informazzjoni meħtieġa tinġieb mill-pajjiżi konċernati b’mod formali u li tkun tista’ tintuża filproċeduri”.

Il-ħames persuni tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak u wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. Huma ngħataw l-libertà proviżorja fuq diversi kundizzjonijiet.

Sport