Monday, May 13, 2024

Arrigo jipproponi provvista ta’ dawl u ilma b’xejn għal xahrejn bħala aktar għajnuna kontra l-Covid-19, fost proposti oħrajn

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo ppropona li miżuri  li ddaħħlu fis-seħħ bħala għajnuna kaġun tal-pandemija tal-Covid-19 jiġu estiżi. Dan filwaqt li ppropona li jiġu introdotti miżuri ġodda. Fost oħrajn Arrigo ppropona li għal xahrejn is-servizzi ta’ provvista ta’ dawl u ilma jingħataw b’xejn, bil-kontijiet jitraħħsu bin-nofs għat-12-il xahar sussegwenti.

Arrigo saħaq ukoll li filwaqt li diversi pajjiżi imponew restrizzjonijiet fir-rigward ta’ vjaġġar lejn Malta, il-Gvern għandu jaġixxi fi żmien qasir biex jilqa’ għal dan.

Huwa għamel referenza għall-miżuri ta’ rkupru li ddaħħlu fis-seħħ mill-Gvern, u qal li filwaqt li dawn il-miżuri ta’ għajnuna se jkunu qed jiskadu fil-ġimgħat li ġejjin, qed tkun reġistrata żieda fil-każi ġodda fost il-komunità.

Apparti l-proposta dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, Arrigo ppropona wkoll biex il-vawċers tal-Gvern jiġu estiżi sal-aħħar tas-sena, filwaqt li l-firxa ta’ ħwienet jiġu mwessgħin biex jinkludu wkoll lil ħwienet tal-merċa.

Huwa ppropona wkoll biex il-wage supplement ta’ €800 tiġi estiża sa Marzu tal-2021 għall-industrija privata. Fl-istess waqt qal li dawk il-ħaddiema tal-gvern li jokkupaw ‘position of trust’ għandhom jaċċettaw tnaqqis fil-paga u fil-benefiċċji tagħhom.

Fl-istess waqt qal li l-Gvern għandu jassigura li jkun hemm fis-seħħ kuntrati bejn linji tal-ajru lokali u operaturi barranin ta’ tours li ma jimponux restrizzjonijiet ta’ vjaġġar lejn Malta.

Fl-istess waqt tenna li l-maskri għandhom jintlibsu kullimkien minn kulħadd.

Arrigo qal ukoll li l-moratorju fuq ħlasijiet ta’ self minn banek għandu jiġi estiż sa Marzu tal-2021. Tenna wkoll li t-taxxi tal-Gvern għandhom jitnaqqsu bin-nofs, u saħansitra tnaqqis ta’ 5% fuq il-VAT.

Fl-istess waqt qal li għandha tiġi introdotta rata ta’ 0% VAT għall-industrija tal-akkomodazzjoni matul ix-xhur tax-xitwa.

Arrigo ppropona wkoll li jiġi imniedi passaport tas-saħħa għal vjaġġaturi, bi screening għal vjaġġar bl-ajru u l-baħar isir obbligatorju.

Sport