Id-Deputat Kap Nazzjonalista Robert Arrigo ħeġġeġ lill-avukat Bernard Grech biex ma jkomplix bil-kandidatura tiegħu għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u saħansitra offrielu l-kariga tiegħu bħala deputat kap tal-Partit jekk jaċċetta li jagħmel dan.
Arrigo għamel din l-offerta lil Grech waqt intervista li xxandret fuq F Living. Fl-intervista, Arrigo aċċenna li l-elezzjoni għat-tmexxija tal-PN bejn Grech u l-Kap attwali Adrian Delia taf tagħmel aktar ħsara milli ġid lill-PN.
Tenna li kemm Delia u kif ukoll Grech – li huwa ddeskriva bħala żewġ persuni li għandhom għal qalbhom il-ġid tal-Partit Nazzjonalista – għandhom jaħdmu flimkien.
L-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalistas mistennija li tiżvolġi fil-bidu ta’ Ottubru wara li jiġi fi tmiemu l-proċess ta’ due diligence.