Arsenal iffirmaw lill-attakkant Belġju, Leandro Trossard, mingħand Brighton għal £21 miljun.
Huwa ffirma kuntratt sa Ġunju 2027 u għandu l-għażla li jiġġedded b’sena.
F’dan l-istaġun mas-Seagulls huwa skorja seba’ goals u pprovda tliet assists f’16-il logħba.
Il-Gunners qalu li ssottomettew id-dokumenti meħtieġa u jittamaw li Trossard ikun disponibbli biex jiffaċċja lil Manchester United fl-Emirates Stadium, il-Ħadd.
“Ninsabu kuntenti li ffirmajna lil Trossard,” qal il-coach ta’ Arsenal, Mikel Arteta. “Huwa player li segwejna għal xi żmien issa u waslet l-opportunità u għandna l-ħtieġa li jkollna player fuq quddiem li jkun versatili biżżejjed biex jilgħab pożizzjonijiet differenti.”
Trossard, li lagħab tliet dehriet għall-Belġju fit-Tazza tad-Dinja tal-2022, se jilbes in-numru 19 għal Arsenal.
Il-Gunners jinsabu fil-quċċata tal-Premier League u Arteta jħoss li huwa “importanti ħafna” li jiffirma players li jistgħu jadattaw malajr.