Tuesday, December 24, 2024

Artefatti mill-kollezzjoni nazzjonali mislufa għal tliet wirjiet barra minn xtutna

Aqra wkoll

Diversi artefatti mill-kollezzjoni nazzjonali ġew mislufa minn Heritage Malta biex ikunu esebiti fi tliet wirjiet temporanji li qed isiru bħalissa barra minn Malta. Dan jimxi id f’id mal-missjoni tal-aġenzija biex issaħħaħ il-profil internazzjonali tagħha.

Iċ-Ċippus, li jmur lura sat-tieni seklu qabel Kristu u li kellu sehem kruċjali biex ġie ddeċifrat l-alfabett Feniċju fis-seklu 18, ġie misluf mill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija lill-Musée Champollion f’Figeac, fi Franza, għall-wirja Eurêka! Champollion 2022 –Déchiffrements. Il-wirja, li qed tfakkar il-200 sena minn meta Jean-François Champollion iddeċifra simboli ġeroglifiċi Eġizzjani, tesplora l-istorja tad-deċifrazzjoni u l-għodod li jintużaw biex ikunu jistgħu jinqraw kitbiet antiki. Il-wirja se tibqa’ għaddejja sad-9 ta’ Ottubru.

Il-Mużew Marittimu silef 20 artefatt mill-kollezzjoni tuegħu lill-Musée di Bastia f’Korsika, għall-wirja Mare furioso: Pirates et corsaires en Méditerranée (XVIe-XIXe siècles), li tibqa’ għaddejja sas-17 ta’ Diċembru. F’din il-wirja hemm aktar minn 200 oġġett mibgħuta minn mużewijiet prestiġjużi li jirrakkontaw l-istorja inqas magħrufa tal-pirati u l-kursara fil-Mediterran, b’aċċenn partikolari għal Korsika, u l-effetti fit-tul tal-għemejjel tal-pirati, fosthom fuq it-tiswir tal-identitajiet nazzjonali. L-artefatti mibgħuta minn Malta, li jinkludu fost oħrajn mapep u tpinġijiet, pitturi, strumenti tan-navigazzjoni u senduq tal-kursara, jixhdu r-rabtiet storiċi bejn Malta u Korsika filwaqt li juru l-importanza ta’ gżiritna fil-mod kif intisġet il-kultura marittima Mediterranja.

MUŻA, min-naħa l-oħra, ikkollabora maċ-Cittadella Vescovile di Gerace billi silef 11-il reċipjent tal-majolika li fihom kienu jinżammu l-mediċini. Dawn kienu ġew
ikkummissjonati mill-Ordni ta’ San Ġwann u nħadmu f’Gerace fis-seklu 17. Il-wirja li fiha qed jiġu esebiti r-reċipjenti jisimha Cretae Pictae – Maioliche di Gerace per i Cavalieri di Malta u qed tittella’ fil-Museo Diocesano – Tesoro della Cattedrale di Gerace f’Reggio Calabria, l-Italja, fejn se tibqa’ għaddejja sal-1 ta’ Ottubru.

Ekonomija

Sport