Sunday, November 24, 2024

Assassinji finanzjati fil-Jemen

Aqra wkoll

Il-gwerra ċivili fil-Jemen hija gwerra multilaterali li ilha għaddejja għal kważi ftit inqas minn għaxar snin fejn iż-żewġ naħat tal-kunflitt isostnu li jikkostitwixxu l-gvern uffiċjali tal-Jemen. Il-gwerra ċivili bdiet f’Settembru 2014 meta l-forzi Houthi ħadu f’idejhom il-belt kapitali Sanaa, u ddikjaraw lilhom infushom bħala l-gvern ta’ dan l-ifqar pajjiż fil-Lvant Nofsani.

Il-gwerra ċivili iżda ħarġet mill-konfini tagħha wara li nstab li l-Emirati Għarab Magħquda (UAE) iffinanzjaw numru ta’ qtil motivati politikament fil-Jemen, li aggrava kunflitt li jinvolvi l-gvern Jemeni u fazzjonijiet li reċentement reġgħu lura fl-attenzjoni internazzjonali wara attakki fuq bastimenti kummerċjali fil-Baħar l-Aħmar.

Investigazzjoni ġurnalistika riċenti sabet li minkejja li merċenarji Amerikani kienu qed iħarrġu uffiċjali tal-Emirati fil-Jemen bil-għan iddikjarat li jeliminaw il-gruppi ġiħadisti al-Qaeda u l-Istat Iżlamiku (IS) fin-Nofsinhar tal-Jemen, fil-fatt l-UAE komplew jirreklutaw eks membri tal-al-Qaeda għal forza tas-sigurtà li huma ħolqu fil-Jemen biex jiġġieldu kontra l-moviment ribelli Houthi u fazzjonijiet armati oħra.

Il-gvern tal-UAE ċaħad l-allegazzjonijiet li kien iffinanzja l-assassinju ta’ nies li ma kellhom ebda rabtiet mat-terroriżmu. Il-qtil fil-Jemen – aktar minn 100 qtil f’perjodu ta’ tliet snin – huwa biss element wieħed ta’ kunflitt qarrieqi li għaddej u li qed iqiegħed diversi poteri internazzjonali kontra xulxin fl-ifqar pajjiż tal-Lvant Nofsani.

L-atmosfera brutali li rrenjat kienet skoraġġixxiet ir-ritorn permanenti tal-gvern rikonoxxut internazzjonalment tal-Jemen. Dan potenzjalment għen indirettament biex iħeġġeġ lill-Houthis, li huma fergħa tal-minoranza Shia fi ħdan il-kommunita Musulmana. Fl-aħħar jiem, l-Istati Unit tal-Amerika ħabbret li tqis lill-Houthis bħala terroristi globali. 

Il-glied wassal biex il-gvern leġittmu tilef il-kontroll tal-punent tal-pajjiż li issa hu f’idejn il-Houthis li matul is-snin saru aktar sofistikati u mgħammra aħjar bl-appoġġ li qed jingħatw mill-Iran. 

Fl-2015, l-Istati Uniti u r-Renju Unit kienu appoġġaw koalizzjoni ta’ stati l-aktar Għarab immexxija mill-Arabja Sawdija – bl-UAE bħala sieħeb ewlieni – biex jiġġieldu kontra l-Houthis. Il-koalizzjoni invadiet il-Jemen bil-għan li ddaħħal lura l-gvern tal-Jemen eżiljat u tiġġieled it-terroriżmu. 

L-UAE ngħataw l-inkarigu tas-sigurtà fin-nofsinhar, u saru l-alleat ewlieni tal-Istati Uniti dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu fir-reġjun – al-Qaeda kienet ilha preżenza fin-nofsinhar u issa kienet qed tikseb territorju.

Il-maġġoranza ta’ dawk maqtula kienu membri ta’ Islah – il-fergħa Jemenita tal-Fratellanza Musulmana. Huwa moviment internazzjonali popolari Iżlamiku Sunni li qatt ma ġie kklassifikat mill-Istati Uniti bħala organizzazzjoni ta’ terrur, iżda huwa pprojbit f’diversi pajjiżi Għarab inklużi l-UAE fejn l-attiviżmu politiku u l-appoġġ għall-elezzjonijiet tiegħu huma meqjusa mill-familja rjali tal-pajjiż bħala theddida.

L-assassinji fin-Nofsinhar tal-Jemen komplew. Fil-fatt saru aktar frekwenti, skont investigaturi mill-grupp tad-drittijiet tal-bniedem Reprieve li nvestigaw 160 qtil li sar fil-Jemen bejn l-2015 u l-2018. Il-maġġoranza tal-qtil seħħet mill-2016 u 23 biss mill-160 persuna maqtula kellhom rabtiet mat-terroriżmu. 

Il-qtil kollu kien twettaq bl-użu ta’ apparat splussiv improvizzat segwita minn sparatura fil-mira. L-aktar qtil politiku riċenti fil-Jemen, skont l-avukat dwar id-drittijiet tal-bniedem Huda al-Sarari, seħħ ix-xahar li għadda ta’ imam li nqatel f’Lahj bl-istess metodu ta’ splussiv u sparatura.

Sport