L-istaġun 2021/22 beda fost numru ta’ regolamenti relatati mal-COVID, madankollu l-kompetizzjonijiet kollha tlestew għall-ewwel darba fi tliet snin.
Waqt li ppreżenta r-rapport amministrattiv fl-Assemblea Ġenerali fil-Lukanda Dolmen, Dr Angelo Chetcuti, is-Segretarju Ġenerali tal-Malta FA, emfasizza l-ħidma bla waqfien li wettqu d-diversi dipartimenti tal-Assoċjazzjoni matul dawn l-aħħar 12-il xahar.
RIFORMI REGOLATORJI U TA’ GOVERNANZA
Matul l-istaġun li għadda, ġew approvati riformi regolatorji u ta’ governanza estensivi. Dawn kienu jinkludu emendi għar-regolamenti tal-liċenzjar u regoli li jirregolaw il-kompetizzjonijiet li permezz tagħhom ġew stabbiliti l-listi tal-iskwadri.
“Ir-riformi regolatorji huma parti mis-seba’ pilastru tal-Istrateġija ta’ Malta FA – Govern and Lead,” qal Dr Chetcuti. “Huma jagħmlu t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Assoċjazzjoni aktar bilanċjat u trasparenti. Bidliet bħal dawk fil-liċenzjar tal-clubs huma meħtieġa kontinwament biex ikomplu jixprunaw strutturi amministrattivi u set-up tekniku aħjar fil-livell tal-club.’
IT-TIMIJIET NAZZJONALI
Is-Segretarju Ġenerali tal-Malta FA esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-titjib li t-Team Nazzjonali A mexxa fir-Ranking tal-FIFA (imtejjeb b’seba’ postijiet fi staġun). Huwa emfasizza li l-età medja tal-players fil-ground din is-sena niżlet għal 25.8 sena, biex Malta saret waħda mill-iżgħar timijiet fil-UEFA Nations League.
B’emfażi fuq l-aspett tekniku li jikkostitwixxi waħda mill-ewwel prijoritajiet tal-istrateġija tal-Assoċjazzjoni, is-Segretarju Ġenerali tal-Malta FA rrefera għal numru ta’ inizjattivi li qed jittieħdu f’dan ir-rigward.
Punti pożittivi oħra matul l-istaġun li għadu kif intemm jinkludu l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa relatati mal-futsal u l-beach soccer, bil-ħatra ta’ Coach tat-Team Nazzjonali f’dan tal-aħħar. Fl-eSports, Malta kienet rebħa waħda bogħod milli waslet għal Copenhagen u l-Finali tat-Tazza tan-Nazzjonijiet tal-FIFA.
IĊ-ĊENTRU TEKNIKU TAL-MALTA FA
L-Assoċjazzjoni addattat għaż-żminijiet diffiċli u kompliet issegwi l-pjanijiet tagħha fid-dipartiment tal-edukazzjoni tal-kowċis bil-korsijiet isiru online. Dan l-istaġun ġew organizzati disa’ korsijiet bl-introduzzjoni ta’ żewġ korsijiet ġodda; UEFA C/B flimkien u Kors tal-Mexxejja tal-Grassroots. Dan l-istaġun 285 coach ġdid kisbu jew aġġornaw il-kwalifika tagħhom ta’ coaching. Iċ-Ċentru Tekniku ħareġ l-ewwel pubblikazzjoni tiegħu online, ‘Raise the Game’, immirata għall-coaches kollha liċenzjati u reġistrati.
Il-Malta FA żammet l-ispinta tagħha permezz tal-Elite Player Performance Project li huwa programm ta’ strength and conditioning għall-grupp magħżul ta’ players u programm speċifiku għall-goalkeepers. Dan u proġetti simili ffukati fuq il-players huma mmirati lejn żvilupp u profil tal-players aħjar.
KWISTJONIJIET OĦRA
Matul l-istaġun li għadda, intlagħbu total ta’ 624 partita f’10 stadji differenti madwar f’pajjiżna. Il-partiti kollha ntlagħbu taħt il-protokolli tal-COVID-19. F’Jannar, il-Malta FA kellha tipposponi l-iskeda tal-partiti tagħha b’ġimagħtejn, iżda l-kampjonati kollha spiċċaw kif ippjanat. Lejn tmiem l-istaġun, il-Malta FA tista’ terġa’ tibda torganizza avvenimenti bil-għan li jattiraw aktar partitarji, bħall-Fan zone qabel il-partiti internazzjonali u finali.
Aktar minn 4,000 partita kienu kkontrollati minn membri tad-Dipartiment tar-Referees tal-Malta FA matul l-istaġun li għadda. Ġew ikkonfermati 17-il uffiċjal tal-FIFA Referees, u ngħataw 27 apppintment internazzjonali bejniethom. Id-Dipartiment tar-Referees b’kollaborazzjoni mad-dipartiment tal-Football tan-Nisa beda kampanja biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa.
Dr Chetcuti spjega li ‘avveniment ieħor denju ta’ nota kien l-akkwist ta’ NDSF Funding li wassal għall-bidu tax-xogħlijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Football f’Ta’ Qali’. Sadanittant, il-Malta FA bdiet timplimenta programm biex jissostitwixxi l-grounds tal-football artifiċjali tal-clubs membri permezz ta’ fondi tal-Gvern. Dr Chetcuti qal li dan kompla jissimenta t-tieni pilastru tal-istrateġija tal-Assoċjazzjoni u l-impenji tagħha fl-investiment fi proġetti kapitali biex tiżdied l-infrastruttura tal-football.
L-istaġun li għadda ra wkoll lill-Assoċjazzjoni tibda eżerċizzju kbir ta’ rebranding, b’identità viżwali ġdida tat-Team Nazzjonali u l-Assoċjazzjoni żvelata. Ir-rebranding sar flimkien mat-tnedija ta’ kits ġodda għal ġewwa darna u barra minn xturna permezz tal-Erreà, u permezz ta’ parteċipazzjoni f’
Kit Assistance Scheme tal-UEFA. Il-Malta FA kompliet tikseb sponsors ġodda għall-kompetizzjoni tal-FA Trophy u t-Timijiet Nazzjonali.
Matul l-istaġun li għadda tnieda wkoll match-center online, li jippermetti lill-utenti jiksbu riżultati diretti minn kampjonati domestiċi.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Malta FA analizza s-sena amministrattiva, bil-pożittivi u n-negattivi kollha. Huwa temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-uffiċjali, lill-impjegati, lill-clubs u lill-istakeholders kollha tal-Assoċjazzjoni għall-impenn u l-kontribut tagħhom lejn il-football Malti.