Friday, November 22, 2024

Assurda l-pretensjoni tal-Qorti li omm tikkonsenja lit-tifla qisha xi pakkett postali

“Mela l-omm mistennija torbot lit-tifla, tippakkettaha u tikkonsenjaha”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Mela l-omm hija mistennija torbot lit-tifla, tippakkettaha, u “tikkonsenjaha” lill-missier, meta fil-każ ta’ llum Esther kellha diġa erbatax-il sena u mhux tifla ta’ ghaxar snin jew ta’ erba’ snin. X’kellha tagħmel ommha? Tikkombatti maghha biex “fizikament tikkon- senjaha”?

Tkompli tittrawmatizzaha bi vjolenza fizika meta kif konfermat medikament u b’sintomi fiżiċi diġa trawmatizzata biżżejjed bil-ħsieb li tmur waħedha ma’ missierha li taf li abbandunaha u ftit li xejn jimpurtah minnha? Esther diġa kienet tifla matura kif irriżulta meta xehdet quddiem il-Qorti, u hija assurda l-pretensjoni li ommha kellha jew anke setgħet “fizikament tikkonsenjaha” bħallikieku kienet xi pakkett postali – lil missierha. Konsiderazzjonijiet li jgħoddu għal tfal ta’ ghaxar snin jew ta’ erba’ snin ma jgħoddux għal tifla matura ta’ erbatax-il sena.”

Dan kienu l-aggravji ta’ omm fl-appell li hi ressqet quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali wara li kienet instabet ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati li ma tatx aċċess xieraq lil missier għal uliedhom. Il-każ infetaħ mill-missier b’rapport li l-omm irrifjutatlu l-aċċess. Il-Qorti tal-Appell Kriminali illiberat lill-omm.

L-omm iddikjarat fir-risposta tagħha li l-Qorti waslet għal konklużjoni żbaljata u wkoll inġusta li l-omm hija ħatja li irrifjutat l-aċċess lill-missier.

Jirriżulta li missier abbanduna d-dar matrimonjali, lil martu u lil uliedu fis-17 ta’ Ġunju tas-sena 2017 biex mar jikkoabita ma’ mara ohra. L-omm fetħet kawża ta’ separazzjoni personali quddiem il-Qorti Civili. L-Ewwel Qorti stqarret li l-fatt li l-omm kienet qiegħda tħalli f’idejn it-tifla biex tagħmel l-arranġamenti ma’ missierha kienet nuqqas tal-‘positive obligation’ tagħha li tagħti aċċess skond kif provdut fil-Kodiċi Kriminali.

L-omm qalet li jirriżulta ii qabel id-data tal-aċċess it-tifla kienet ikkomunikat ma’ missierha fejn kienet ipproponiet alternattivi ta’ kif jistgħu iqattgħu l-aċċess u dan biex oħtha Mireille tkun xorta waħda tista’ tkun magħha kif xtaqet hi.

L-omm qalet li imma l-missier ma aċċettax għax id-deċiżjoni tiegħu ma kellha x’taqsam xejn mal- COVID iżda biss ix-xewqa malizzjuża tiegħu li joħloq inkwiet għal martu biex mingħalih ipattihielha talli rrapportatu b’akkuża li nqeda b’firem foloz fuq ċekkijiet biex jiġbed u jaħbi flus tal-komunjoni: akkuża li tagħha diġa nstab ħati għalkemm appella u l-appell għadu pendenti. L-omm qalet li għalhekk il-missier ma kellu ebda raġuni valida biex “irrifjuta dan 1-arranġament” li t-tifla tkun akkumpanjata minn oħtha. Qalet li l-arrangament irrifjutah għax ried isib okkażjoni biex jivvessa lil martu b’akkużi foloz, deherlu li sab ix-xoqqa f’moxtha, u ħa l-okkażjoni.

Mix-xhieda tat-tabib Johann Vella, irriżulta li ‘hu jaħdem bħala tabib tal-familja. Mistoqsi jekk jafx lit-tifla jgħid li jafha għax kienet tbati minn ansjetà, kellha problemi biex torqod, uġiegħ taż-żaqq, dardir u dan kien jiġrilha nhar ta’ Ġimgħa lejliet il-jum li jkollha aċċess ma’ missierha. Qal li kien jarha akkumpanjata ma’ ommha meta kien għad kellha tnax-il sena. Qal li Esther kienet tħossha inċerta u ma tafx fejn ser tkun sejra ma missierha. Kien ikun għalhekk li riedet li oħtha Mireille tmur magħha.

Dr Joan Camilleri, clinical psycologist u psychotherapist ikkonfermat li kienet ilha tarha minn Diċembru tas-sena 2021u qalet li t-tifla kienet tgħidilha li ma tiħux pjaċir toħroġ ma missierha is-Sibt filgħodu għax tkun trid tistudja biex filgħaxija tkun tista’ toħroġ ma sħabha. Qaltilha li xtaqet li ma tkunx marbuta ta’ kull nhar ta’ Sibt. Ir-rabta kienet iddejjaqha.

Minn naħa tiegħu l-missier qal li l-COVID 19 qalgħet ħafna problemi fosthom li kien ikellem lill-uliedu għal siegħa u bis-sessjoni tiġi rekordjata minn bintu. Qal li kellu għafsa ta’ qalb kbira u darba minnhom kien anke tkellem mas-Supretendet Jeffrey Azzopardi dwar din il- problema u dan kien anke kellem lil martu.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali iddikjarat li “din il-qorti turi d-dispjacir tagĦha ta’ kif ġew kompilati l-atti f’din il-kawża b’mod partikolari minghajr l-ebda referenza għall-akkuża speċifika mogħtija fil-konfront tal- appellanti. Hija tal-mistħija li jsir verbal fejn il-partijiet jaqblu li l-provi ta’ kawża għandhom japplikaw għal kawża oħra u imbagħad fix-xhieda li tingħata ma jsirux domandi fuq iż-żewġ istanzi. Fid-dawl tal-provi imressqa din il-Qorti hija sajma dwar dak li allegatament seħħ nhar it-3 ta’ April 2021 u għalhekk fid-dawl ta’ dawn l-istess provi din il-Qorti mhix qed tikkonferma is-sentenza mogħtija mill-ewwel Qorti iżda qiegħda tirrevokaha fl-intier tagħha u tillilbera lill-omm.

Sport