Sunday, December 22, 2024

Aston Villa, Brighton u Milan jistgħu jieħdu sehem fl-Ewropa

Aqra wkoll

Il-UEFA tgħid li Aston Villa, Brighton u Milan jistgħu jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet Ewropej dan l-istaġun wara li għamlu “bidliet sinifikanti” biex jikkonformaw mar-regoli ta’ sjieda ta’ diversi clubs.

Is-sidien tal-Villa għandhom sehem f’Vitoria Guimaraes u s-sid ta’ Brighton, Tony Bloom, huwa nvolut ma’ Union Saint-Gilloise waqt li Milan u Toulouse huma l-maġġoranza tal-proprjetà ta’ RedBird Capital Partners.

Il-UEFA ħadet id-deċiżjoni wara li nvestigat “kunflitt potenzjali mar-regola ta’ multi-club ownership”.

Brighton se jkunu fl-Europa League, filwaqt li Union Saint-Gilloise jinsabu fil-play-offs għall-istess kompetiz­zjoni.

Il-Villa kkwalifikaw għall-Conference League, filwaqt li Vitoria Guimaraes jinsabu fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-istess kompetizzjoni.

Milan se jkunu fiċ-Champions League, filwaqt li Toulouse huma nvoluti fl-Europa League.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-korp governattiv tal-football Ewropew qal li t-tibdil li sar ifisser li “l-ebda club, la direttament jew indirettament, ma għandu jew jinnegozja titoli jew ishma ta’ xi club ieħor li qed jipparteċipa f’kompetiz­zjoni tal-clubs tal-UEFA”.

Żied jgħid li “ħadd ma għandu kontroll jew influwenza deċiżiva fuq aktar minn club wieħed f’kompetizzjoni tal-clubs tal-UEFA”.

Il-UEFA qalet li l-“bidliet sinifikanti” li kienu ġew implimentati “jirrestrinġu sostanzjalment l-influwenza tal-investituri u s-setgħa tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq aktar minn club wieħed, u jiżguraw konformità mar-regola ta’ sjieda ta’ diversi clubs”.

Barra minn hekk, il-clubs involuti qablu li ma jittrasferixxux players lil xulxin “permanentment jew b’self, direttament jew indirettament, sa Settembru 2024” jew “jużaw kwalunkwe scouting konġunt jew database tal-players.”

Ekonomija

Sport