Tuesday, December 24, 2024

Athletics Malta tniedi l-elezzjoni għall-Kunsill il-ġdid

Aqra wkoll

Athletics Malta ħabbret li l-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ din is-sena se ssir fit-23 ta’ April 2024 fl-uffiċċji tagħha fil-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa.

Wara l-qari u l-approvazzjoni tar-rapport annwali u finanzjarji tal-federazzjoni, il-membri se jkunu qed jivvutaw għat-tliet Membri Eżekuttivi tal-Kunsill, il-President, is-Segretarju Ġenerali u t-Teżorier, dejjem jekk dawn ikunu kkontestati. Wara, se jkunu qed jeleġġu l-bqija tal-membri tal-Kunsill.

Din l-elezzjoni se tkun l-ewwel waħda wara emenda storika approvata mill-membri ta’ Athletics Malta aktar kmieni din is-sena biex tinkiseb ugwaljanza bejn is-sessi fl-ogħla entita’ ta’ dan l-isport. Filfatt, biex tinkiseb din l-ugwaljanza, l-elezzjoni għall-Kunsill se ssir għal erba’ membri, iżda f’każ li jiġu eletti tlieta’ jew erba’ membri tal-istess ġeneru, l-Istatut issa jipprevedi biex sa erba’ membri addizzjonali tal-ġeneru l-ieħor jiġu eletti fuq il-Kunsill biex ikun stabbilit dan il-bilanċ.

F’messaġġ lill-Klabbs, il-President uxxenti Aldrin Cassar qal: “Nistiednu lill-individwi li għandhom għal qalbhom l-atletika u huma impenjati favur l-iżvilupp tal-isport biex jikkontribwixxu billi jikkontestaw l-elezzjoni għall-Kunsill eżekuttiv u għall-kariga ta’ membru. Din hija opportunità biex ikollok rwol fit-tfassil tad-direzzjoni tal-assoċjazzjoni tagħna u tgħin biex tissaħħaħ il-komunità atletika tagħna.”

In-nomini issa huma miftuħa u l-kandidati interessati għandhom jisottomettuhom sas-26 ta’ Marzu 2024.

Ekonomija

Sport