Wednesday, December 11, 2024

Tixtieq li meta tikber tiftaħ id-dolċerija tagħha sabiex tkompli l-passjoni fit-tisjir

- Intervista ma' Gwen Gravina, tifla b'passjoni fit-tisjir minn ċkunita

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tifla ta’ 11-il sena li għandha xewqa li meta tikber issir dulċiera professjonali, fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, qed tippjana li taħmi mat-800 figolla, li d-dħul mill-bejgħ tagħhom se jmur għal Puttinu Cares. 

F’intervista ma’ dan is-sit, Gwen Gravina tkellmet dwar minn fejn ġietha l-idea li tibda ssajjar dawn il-figolli, xi ħaġa li hi tqisu bħala passatemp fl-istess waqt li qed tagħmel dan biex tgħin lil ħaddieħor.

Hija bdiet billi semmiet kif darba fost oħrajn kien hemm tifla li kienet qiegħda tingħata l-għajnuna mingħand Puttinu Cares minħabba l-kura li kellha bżonn u saret taf li din l-istess tifla kienet issegwi dak kollu li kienet qiegħda tagħmel.

Tgħid ukoll li: “dan inzerta kien żmien l-Għid u din it-tifla baqgħet f’moħħi filwaqt li tatni l-motivazzjoni li nagħmel xi ħaġa b’risq Puttinu Cares. Minħabba f’dan, iddeċidejna li nagħmlu l-famużi figolli”. 

Gwen żiedet tgħid li sa minn età żgħira ħafna, kienet dejjem tgħin lil ommha fil-kċina. Enfasizzat li t-tisjir għaliha jfisser xi ħaġa li tagħmel ta’ kuljum u li mhu se tiddejjaq qatt tagħmel f’ħajjitha. 

Mistqsija x’tixtieq issir la tikber, Gwen bi tbissima fuq wiċċha qaltilna li tixtieq tiftaħ dolċerija tagħha biex tkun tista’ tagħmel kull tip ta’ ħelu. It-tisjir ġeneralment jirrrikjedi ħafna ħin, paċenzja u saħansitra anke għajnuna mingħand ħaddieħor. 

Għal Gwen, ommha Molly hija l-pilastru għax fi kliemha għenitha tikber u li ttiha sapport f’kull ħaġa illi tagħmel. Gwen xtaqet ukoll tiringrazzja lis-segwaċi li għandha fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook – Gwen’s Cooking Club – li għaliha tqishom bħala familja. 

Temmet tgħid li għall-futur għandha żewġ proġetti kbar, li iżda jinvolvu ħfna spejjeż. L-ewwel wieħed huwa li tixtieq tibdel kamra fid-dar tagħha  fi studio kitchen, fejn hemmhekk tkun tista’ ssajjar u tirrekordja r-riċetti. Permezz t’hekk, ikollha kċina akbar u għalhekk tkun tista’ ssajjar ħafna aktar affarijiet f’daqqa. Dan filwaqt, li l-proġett l-ieħor huwa li toħroġ ktieb tar-riċetti partikolarment dawk relatati mal-Milied.

Ekonomija

Sport